Teknoloġija
Skema li tgħin lin-negozji jipproteġu ruħhom minn attakki fuq l-internet

Il-Gvern fetaħ skema mmirata lejn is-settur privat sabiex jipproteġi lilu nnifsu billi jinvesti aktar fis-sigurtà ċibernetika jew kif inhi magħrufa bħala ‘cyber security’.

Waqt summit dwar is-sigurtà online, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, Silvio Schembri, nieda l-iskema B Secure, li biha l-Gvern qed jinvesti kwart ta’ miljun ewro biex isaħħaħ l-infrastruttura tal-ekonomija diġitali fis-settur privat.

Is-Sur Schembri qal li l-Gvern, permezz tal-MITA, jinvesti miljuni ta’ ewro fis-cyber security, iżda stqarr li s-settur privat mhux dejjem konxju tal-perikli tal-attakki online għan-negozju tagħhom.

F’kumment lil TVM, qal li l-ħtieġa għal tisħiħ tas-sigurtà ċibernetika inħasset iżjed wara l-attakk li sar fuq il-Bank of Valletta.

“B’din l-iskema qegħedin naraw li noffru l-ewwel stadju ta’ studju tas-sistemi ta’ dik il-kumpanija, u noffru taħriġ b’xejn minn kumpaniji speċjalizzati internazzjonali lil dawn l-istess ħaddiema, sabiex huma stess ikunu ppreparati u jkollhom l-informazzjoni sabiex ma jaqgħux vittmi ta’ dawn it-theddidiet ċibernetiċi. Eventwalment din il-kumpanija tingħata rapport, fejn trid isaħħaħ.”

Is-Segretarju Parlamentari Schembri qal li l-kumpaniji se jingħataw rapport dettaljat dwar x’għandhom jagħmlu biex jilqgħu kontra l-attakki online u l-kumpaniji jkunu mistennija jagħmlu l-passi li jmiss biex isaħħu s-sigurtà tagħhom, biex jipproteġu lilhom infushom mill-attakki online.