Inklużjoni
Skema ġdida se tgħin kumpaniji biex jinvestu f’tagħmir għal ħaddiema b’diżabbiltà

Skema ġdida tal-Malta Enterprise għandha l-għan li tiffaċilta u tħajjar aktar persuni b’diżabbiltà jimirħu fid-dinja tax-xogħol, fost l-oħrajn b’investiment fit-tgħammir u l-infrastruttura fuq il-post tax-xogħol.

Skont l-aħħar ċifri pprovduti f’Malta, mal-4,000 persuna b’diżabbiltà għandhom impjieg, bil-maġġoranza tagħhom irġiel. Din ic-cifra tista’ titqies bħala waħda baxxa meta mqabbla mal-kumplament tal-blokk Ewropew.

F’dan l-isfond kmieni waranofsinhar, il-Gvern, permezz tal-Malta Enterpise, il-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà u bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Intrapriża u l-Ministeru għall-Inklużjoni, niedu skema li għandha l-għan li tiffaċilita l-ingaġġ ta’ persuni b’diżabbiltà fuq il-post ta’ xogħol, kif ukoll tagħmel il-ħajja aktar faċli għal dawk li diġà jinsabu f’impjieg.

Dan permezz ta’ skema ġdida li se tkun qed tagħti rimbors lill-kumpaniji li japplikaw biex jinvestu f’tgħamir, strutturi u teknoloġiji ġodda, bħal sensors tal-moviment, fost l-oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija lokali tal-manifattura, Malcolm Pace, spjega li l-kumpanija li jmexxi se tkun qed tinvesti f’wieħed mill-ħaddiema sabiex tiffaċilita l-ġurnata tax-xogħol tiegħu. “Għandna persuna li juża siġġu tar-roti, u aħna se ninvestu f’siġġu tar-roti elettroniku, aħna naħdmu b’batteriji, dik tagħqad ma’ din is-sistema.”

F’diskors li għamlet f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li l-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu l-aġenti tal-bidla f’dan ir-rigward. “Qiegħdin naraw li nkopru disgħin fil-mija tal-ispejjeż għal totalità ta’ għaxart’ elef ewro, ħalli jekk persuni li tħaddem ikollhom bżonn tagħmel ċertu tibdiliet, ħalli tagħmilha aktar faċli tħaddem persuni b’diżabbiltà magħha, issa tista’ tagħmel dan.”

Il-Ministru għall-Inklużjoni Soċjali, Julia Farrugia Portelli, fissret din l-iskema mħabbra llum bħala turija ċara tal-impenn tal-Gvern biex javvanza ‘l quddiem id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. Qalet li din l-iskema torbot mal-sisien tal-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà li se titħabbar dalwaqt.