Agrikultura
150 bidwi se jiġu mgħejjuna jiffrankaw l-ilma

Mal-150 bidwi jistgħu jibbenifikaw minn skema tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma li permezz tagħha se tkun qiegħda ssir riċerka dwar kif il-bdiewa qed jużaw l-ilma u kif jistgħu jużaw l-ilma b’mod aktar sostennibli fit-tisqija tal-uċuħ tar-raba.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Dr Manuel Sapiano qal li minbarra li se tiffranka l-ispejjeż lil 150 bidwi li se jibbenefikaw sa massimu ta’ €5,000 din l-iskema tgħin ukoll is-settur tal-biedja.

“L-ilma għandu prezz fl-operat tal-bidwi u min se jieħu sehem, apparti l-installazzjoni, se jkun qiegħed jiffranka l-ispejjeż operazzjonali. Dawn il-150 ‘case study’ se jippermettulna naraw ukoll kif l-interventi differenti kemm se jwasslu għal ‘savings’. Allura naraw x’inhu l-iktar effettiv, x’inhu l-iktar bżonn li għandhom il-bdiewa u jkollna polz aħjar fuq is-settur”.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostennibbli Miriam Dalli qalet li l-bdiewa Maltin huma importanti għall-pajjiż u jiddependu fuq ir-riżorsa tal-ilma li hija prezzjuża.

Hija qalet li hemm bżonn li jinstabu alternattivi għall-użu tal-ilma tal-pjan waqt li appellat lill-bdiewa biex japplikaw għal din l-iskema.

“Proġett bħal dan tal-lum jaċċerta li jkollna effiċjenza massima fl-użu tal-ilma. L-ilma tal-pjan huwa riżorsa mill-iktar importanti, qegħdin insibu alternattiva b’mod partikolari għall-bdiewa permezz tan-New Water, però xorta għandek użu tal-enerġija u għandek riżorsa li ma nistgħux naħlu. Inizjattiva bħal din qed tara li l-bdiewa tagħna jkollhom aċċess għal-ilma u jkunu jistgħu jaħżnu l-ilma imma fl-istess ħin naċċertaw li dak l-ilma li huwa riżorsa daqhekk importanti ma jinħeliex”.

Il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li l-bdiewa diġa qegħdin jibbenefikaw mis-sistema tan-New Water għax jifhmu kemm hu importanti t-tnaqqis tal-ħela tal-ilma.

“Għandna pjan ħolistiku biex naraw li l-bdiewa jibbenifikaw mis-sistema tan-New Water. Naħseb li l-pjan li għandna se mmexxu ‘l quddiem biex kull bidwi, fejn hu possibbli li tmexxi n-New Water, ikollu sistema suffiċjenti li biha jkun jista’ jieħu dan l-ilma”.

Il-bdiewa li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema jridu jkunu reġisrati bħala bdiewa ‘full-time’ jew ‘part time’, ikollhom tal-inqas nofs ta’ ettaru art agrikola u jkollhom borehole bil-‘meter’ jew ġibja jew aċċess għan-New Water.