Enerġija
Skema ta’ €5 miljun biex negozji jiġu megħjuna jnaqqsu l-konsum tal-enerġija

Il-Malta Enterprise nediet skema għan-negozji biex il-pajjiż jimxi lejn is-sostenibbilità ambjentali. L-Iskema ‘Smart and Sustainable Investment Grant’, b’investiment ta’ €5 miljun, hija maħsuba biex in-negozji jkunu aktar sostenibbli billi jinvestu fit-tekonoloġija li ttejjeb il-konsum tal-enerġija.

Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli,  Miriam Dalli, qalet li n-negozji qed jingħataw għajnuna mill-Gvern biex il-pajjiż ikun ħieles mill-użu tal-karbonju sas-sena 2050.

Skema ġdida tal-Malta Enterprise ser twassal biex kumpaniji li jinvestu fis-sostenibilità ambjentali jingħataw għotja sa €50,000, filwaqt li dawk li jinvestu f’Għawdex, fost oħrajn, se jibbenefikaw minn €20,000 fi tnaqqis ta’ taxxa.

Din l-iskema ser tagħti għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji li jinvestu fit-tekonolġija moderna ħalli tiżdied l-effiċjenza fil-proċessi tal-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi bil-għan li jsir użu aħjar tar-riżorsi bl-inqas impatt ambjentali.

“50 elf ewro ta’ proġett partikolari ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn iż-żewġ oqsma biex in-negozju jimxi ‘l quddiem u jikber, kif ukoll ser nagħtu sa 20 elf f’taxxa ta’ kreditu lil negozji li ser ikunu qegħdin f’Għawdex, jew fil-fażi ta’ start-up inkella l-proġett tagħhom ser ikun qed inaqqas l-impatt tal-karbonju b’mod qawwi ħafna, allura ikun qed isir audit indipendenti biex naraw li dan iseħħ. It-triq ‘il quddiem hija li n-negozju jikber u jinvesti fi proċessi aktar moderni, sostenibbli u aktar diġitali,” spjega Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet lis-sehem tan-negozji biex tinlaħaq is-sostenibblità huwa importanti ħafna. Qalet li din l-iskema hija parti minn pjan ta’ 20 miljun ewro li tħabbar il-pjan għar-riġenerazzjoni tan-negozji wara l-pandmeija. Sostniet li 5 miljun ewro minnhom ser jintefqu f’din l-iskema li ser tassigura s-sostenibblità ambjentali.

“Din l-iskema hija fformulata apposta biex inkunu qegħdin ngħinu dak l-investiment li jsir fil-qasam tas-sostenibbilità u fid-diġitalizzazzjoni . Irridu li l-kumpaniji tagħna jkunu qegħdin jinvestu ferm aktar f’din it-tranżizzjoni biex verament inkunu qegħdin nimxu ħalli nilħqu sitwazzjoni fejn l-ekonomija tagħna ma tniġġisx sas-sena 2050.”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li biex jirkupraw wara l-pandemija, in-negozji ngħataw 586 miljun ewro għall-pagi supplimentari, 13-il miljun f’għajnuna għall-kirjiet, 5 miljun ewro għall-kontijiet tal-enerġija u 8 miljuni għal-leave tal-kwarantina li ħadu l-ħaddiema.