Lokali
Skema ta’ għajnuna għal ħaddiema fil-kostruzzjoni biex jixtru makkinarju ma jagħmilx ħsara lill-ambjent

Il-Gvern ħareġ bi skema għall-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni biex ibiddlu l-vetturi u l-inġenji tagħhom għal oħrajn li ma jagħmlux ħsara ambjentali. L-iskema ta’ 4 miljun ewro qed titmexxa mill-Malta Enterprise, bl-għajnuna lill-operaturi f’dan is-settur se tvarja minn 60% għal min jiskreppja l-vetturi u t-tagħmir kollu biex jixtrihom tal-elettriku, 50% għal min jixtri inġenji hybrid u 25% għal dawk li jinxtraw second hand.

Il-Malta Enterprise nediet skema ta’ €4 miljun biex dawk li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni jingħataw għajnuna għal tibdil tal-makkinarju tagħhom għal wieħed li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Jistgħu japplikaw operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni u bini ta’ toroq, barrieri, burdnara fil-kostruzzjoni, operaturi li jikru fis-settur, u anki dawk li xogħlhom hu fil-‘finishings’ ta’ propjetà.

Min se jibdel vetturi u inġenji għal dawk li jaħdmu bl-elettriku se jieħu għajnuna sa 60%, dawk li jixtru makkinarju hybrid li jaħdem ukoll bl-ettriku jieħu 50% u dawk li jixtru makkinarju normali jieħdu 40%. Dawk li jixtru vetturi jew inġenji ‘second hand’ jieħdu 25%. Madanakollu min jixtri l-makkinarju, dan ma jistax ikun antik iktar minn 4 snin.

Operatur fil-bini tat-toroq, Gilbert Bonnici qal li skema bħal din se tagħti ftit nifs, għaliex makkinarju ġdid fil-kostruzzjoni jiswa mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

“Huwa mijiet ta’ eluf, l-apparat se jżid mhux biss health of safety tal-operaturi imma boost fil-kompetittività tiegħek.”

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li din l-iskema ħarġet mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, bil-Gvern qed jaħdem mhux biss biex in-negozji jqumu fuq saqajhom imma jiġu mgħejjuna jinvestu biex itejjbu l-operat tagħhom. Il-Ministru spjega li permezz ta’ din l-iskema kull benefiċjarju, sew jekk individwu jew grupp se jieħu sa massimu ta’ €200,000 f’għajnuna.

“Sabiex l-industrija tal-kostruzzjoni ngħinuhom jimmodernizzaw il-makkinarju tagħhom li jkun iktar environmental friendly, u makkinarju li jħammeġ jiġi skreppjat”

L-iskema tal-Malta Enterprise se tiftaħ fl-ewwel ta’ Diċembru u tagħlaq fil-31 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla, iżda l-Ministru qal li jekk l-€4 miljun ewro jiġu eżawrita, l-iskema tagħlaq qabel.