Lokali
Skemi għal familji u negozji għall-użu effiċjenti tal-enerġija

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u ħabbar proġett kapitali għat-titjib tan-network tal-vultaġġ għoli li jforni l-Qasam Industrija ta’ Ħal Far.

Fil-preżentazzjoni tal-Budget Profs. Scicluna qal li l-ARMS se żżid il-preżenza tagħha fil-one-stop shop tal-Gvern (servizz.gov) billi topera f’lokalitajiet oħrajn.

Il-Gvern se jkompli bl-implimentazzjoni tal-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja. Il-Ministru ħabbar li  fl-2018 se jsiru studji ambjentali u tekniċi kif ukoll stħarriġ marittimu dwar ir-rotta.

Ħabbar li se jitnedew skemi għall-familji u negozji biex jużaw b’mod effiċjenti l-enerġija.

Qal li fl-2018 se jsir titjib fl-infrastruttura tal-ilma eżistenti u se jiġu kummissjonati żewġ solar farms ġodda fuq is-soqfa ta’ ġibjuni mhux użati mill-WSC, dawn jiggarantixxu provvista ta’ 1MW ta’ enerġija alternattiva

Profs. Scicluna qal li l-Gvern se jtejjeb l-impjanti tar-reverse osmosis għal provvista adegwata ta’ ilma tajjeb għax-xorb.

Ħababr li se jinbena impjant ta’ desalinizzazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien, Għawdex u se ssir kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma.