Lokali
Skiet taqtgħu b’sikkina fl-ajruport – daqshekk titjiriet lejn Malta

Daqshekk titjiriet lejn Malta minn pajjiżi barranin. Inqas minn 12-il siegħa mindu daħlet fis-seħħ din il-miżura, crew ta’ TVM żar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn prattikament ma tarax ruħ.

B’effett mit-Tnejn, l-Air Malta ħabbret li se topera titjiriet ‘il barra minn Malta fosthom għall-barranin li għadhom maqbudin f’Malta u jridu jmorru lura pajjiżhom u oħrajn speċjali biex jinġiebu l-provisti essenzjali fosthom il-mediċini.

Fuq barra tal-ajruport, għajr għall-buffuri tar-riħ, is-skiet taqtgħu b’sikkina.

Fil-waqfiet tal-karozzi tal-linja qajla tara ruħ. Il-baħħ jispikka wkoll fil-parkeġġ tal-ajruport. Fejn qabel lanqas kien hemm fejn toqgħod labra, issa hemm biss karozzi tal-impjegati tal-ajruport.

L-uniku parti tal-parkeġġ miżgħuda karozzi hi dik riservata għall-karozzi tal-kiri. Indikazzjoni oħra li l-Coronavirus qed jaqta’ fil-laħam il-ħaj tal-industrija tat-turiżmu li mill-wasliet ta’ għexieren ta’ eluf fix-xahar, prattikament issa mhu se jiġi ħadd.

L-aħħar titjira lejn Malta waslet ftit wara nofsillejl minn Heathrow f’Londra. Kif qed taraw warajja diversi ajruplani pparkjati fosthom tal-Air Malta u r-Ryanair iżda f’xena surreali għax m’hemmx nies madwarhom. La ħaddiema u wisq inqas turisti.

L-Air Malta qalet fi stqarrija li mit-Tnejn se topera biss titjiriet ‘il barra minn Malta għall-persuni maqbuda f’Malta li jridu jmorru pajjiżhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti, qal li l-linja tal-ajru se topera titjiriet biex jinġiebu l-provisti tal-mediċini. Hu rrimarka li l-ħaddiema tal-Air Malta, l-iktar dawk li jiltaqgħu man-nies, ġew imħarrġa dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni għal saħħithom u kif għandhom jittrattaw każijiet ta’ nies suspettati bil-Covid-19.

Il-Kaptan Chetcuti rrimarka li l-ajruplani qed jitnaddfu iktar mis-soltu u jiġu diżinfettati wara kull titjira ta’ ripatrijazzjoni. Spjega li s-sistema tal-filtrazzjoni fl-ajruplani tal-Air Malta tixbah is-sistema fl-isptarijiet u tneħħi l-mikrobi mill-arja.

Kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkonferma li fl-aħħar ġimgħa ġew lura Malta 800 ċittadin Malti li nqabdu barra l-pajjiż meta faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus. Minnhom, iktar minn 100 Malti u Maltija rritornaw Malta b’titjiriet ta’ ripatrijazzjoni bl-Air Malta wara li ġew ikkordinati mill-Gvern.