Lokali
Skoperta ta’ ilma ħelu taħt l-art bejn il-Belt u Wied il-Għajn

Tim internazzjonali ta’ xjentisti rrapporta indikazzjonijiet qawwija ta’ ilma ħelu taħt l-art lil hinn mill-kosta bejn il-Belt u Wied il-Għajn, fix-Xlokk ta’ Malta.

Din l-iskoperta hija bbażata fuq spedizzjoni li saret fl-2018 minn tim ta’ xjentisti minn Malta, il-Ġermanja, Spanja u l-Italja.

Fi stqarrija l-Università ta’ Malta qalet li fl-ispedizzjoni ntużaw profili ta’ riflessjoni sismika biex jiġġeneraw mudell ġeoloġiku ta’ qiegħ il-baħar lil hinn mill-kosta tal-Gżejjer Maltin.

Dawn l-osservazzjonijiet jindikaw li l-ilma ħelu taħt l-art jinsab 3 kilometri ‘l bogħod mill-kosta.

L-istudji li tmexxa mill-Professjur Aaron Micallef jissuġġerixxu wkoll li teżisti ħażna ta’ ilma ħelu oħra kilometru ’l bogħod mill-kosta Maltija, u li l-biċċa l-kbira tal-ilma ta’ taħt l-art ġiet iddepożitata 20,000 sena ilu meta l-livell tal-baħar kien iktar baxx mil-lum.

L-ixjentisti żiedu jgħidu li hemm għadd ta’ implikazzjonijiet importanti marbuta ma’ din l-iskoperta fosthom li dan l-ilma tajjeb għax-xorb jista’ jiġi kkundistrat fl-istrateġija nazzjonali dwar l-ilma.

Qalu li din is-sejba tawgura tajjeb għall-pajjiżna li hu nieqes ħafna mill-ilma ħelu.

L-istudju, li huwa prodott tal-proġett MARCAN, ġie ppubblikat fil-ġurnal internazzjonali Geophysical Research Letters.