Lokali
Skultur Malti b’wirja taċ-ċeramika f’Pariġi

L-iskultur Paul Haber se jkun il-mistieden speċjali ta’ Franza fejn se jtella’ esebizzjoni tax-xogħlijiet taċ-ċeramika fil-qalba ta’ Pariġi fis-sala tal-belt li tinsab qrib il-mużew ikoniku tal-Louvre. TVM ltaqa’ mal-iskultur li fisser x’inhuma s-sorsi ta’ ispirazzjoni għax-xogħlijiet artistiċi tiegħu.

Ilu iktar minn 50 sena jipproduċi l-iskulturi biċ-ċeramika. Jiddeskrivi l-proċess artistiku bħala vjaġġ li jittrasportah lejn riflessjoni artistika tat-tiswira tal-elementi tan-natura, u partikolarment jiddakkar mill-enigma u s-sbuħija tal-ibħra mediterranji li jiċċirkondaw il-gżejjer Maltin.

L-iskultur Paul Haber jistqarr li s-sorsi ta’ ispirazzjoni għax-xogħlijiet tiegħu huma mnebbħa mill-ambjent marittimu partikolarment dak mediterranju u Malti. Evidenti wkoll it-tiżwieqa tal-fraġilità u l-enormità tan-natura li jsawwru x-xogħlijiet tiegħu.

Iltqajna miegħu fil-workshop li għandu fl-Imtaħleb fejn huwa mdawwar minn xeni spettakolari tal-kampanja u l-pajsaġġ Malti. Qal li l-iskultura li jkun jixtieq joħloq tkun diġà ċara f’moħħu bil-vjaġġ jieħdu gradwalment lejn id-destinazzjoni aħħarija permezz tal-proċess kreattiv li jagħġen fix-xogħlijiet artistiċi li jikkreja permezz tat-tafal u ċ-ċeramika li huma l-materja prima li juża biex joħloq ix-xogħlijiet tiegħu.

L-iskultur jgħid li fi kwalunkwe xogħlijiet tal-arti hemm xejriet li jiddefinixxu epoki, kulturi u żminjiet differenti iżda l-awtentiċità u t-timbru tal-artist ikunu preżenti konsistentament fix-xogħlijiet tiegħu.

Il-wirja qed tittella’ bl-appoġġ tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

L-Alleanza Nazzjonali għall-Mard Rari bħalissa għandha 200 membru li għandhom marda rari. Dan qalitu ċ-Chairperson u Fundatriċi tal-Alleanza, Michelle Muscat, meta tkellmet f’attività fl-okkażjoni tat-tielet sena mit-twaqqif ta’ din l-għaqda…

Xogħol

Il-General Workers Union qed issejjaħ għal emendi fil-liġi tax-xogħol biex il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol jitwessa’ u jkopri lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’azjenda, inkluż dawk li m’humiex f’impjieg dirett…

Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi ħafna għal għada l-Ħadd 24 ta’ Frar. Jidher li r-riħ se jilħaq il-qawwa ta’ riefnu (forza 8-9) mal-jum ta’ għada. It-temp mistenni jkun imsaħħab…

Aktar