Is-Slaten Maġi jaslu minn Cologne fi triqithom lejn Għajnsielem
It-tliet irġiel li se jirrappreżentaw is-slaten Maġi fl-akbar presepju ħaj f’Malta: “Betlehem f’Għajnsielem” din is-sena telqu mir-raba’ l-akbar belt fil-Ġermanja: Cologne, li ntgħażlet billi din is-sena qed tfakkar it-850 anniversarju minn meta r-relikwi tat-tliet maġi: Caspar, Melchior u Balthazar waslu hemm.
Ir-relikwi tat-tliet Maġi ttieħdu f’Cologne fl-1164 u tqiegħdu f’kaxxa tad-deheb fil-katidral gotiku tal-belt li hu l-aktar post li jżuruh nies fil-Ġermanja b’20,000 viżitatur kuljum.
Franco Ciangura inkarigat minn Betlehem f’Għajnsielem spjega lil tvm.com.mt x’kienu jinkludu l-attivitajiet li ħadu sehem fihom fil-Ġermanja.
“Ilbieraħ kellna ġurnata attivitajiet fejn kien hemm 3,000 tfal ikantaw fil-katidral u ‘il fuq minn 4,000 ruħ li ġiet iċċelebrata mill-kardinal ta’ Cologne. Dħalna anke fejn is-soltu ħadd ma jidħol fejn ix-‘shrine’,” qal Franco Ciangura.
Kien l-Arċisqof ta’ Cologne, il-Kardinal Rainer Maria Woelki, li simbolikament bagħat lit-tliet Maġi lejn Malta biex wara l-wasla fl-ajruport is-Sibt wara nofsinhar sabu tliet iżwiemel jistennewhom biex bdew il-vjaġġ finali tagħhom.
Il-miġja tal-magi tkompli l-Hadd filgħodu meta mill-Manikata jitilqu ghall-pjazza tal-Mellieħa u minn hemm jerħula lejn iċ-Ċirkewwa biex jaqbdu l-vapur tas-sagħtejn u kwart u jitilgħu Ghajnsielem biex jintlaqgħu fil-presepju haj ta’ Betlehem f’Għajnsielem u hemmhekk isellmu x-xena tan-natività fil-grotta.