Unjoni Ewropea
“Sodisfatt li kien hemm progress dwar l-immigrazzjoni”

It-tieni u l-aħħar jum tal-laqgħa tal-mexxejja Ewropej kien iddominat mid-diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani, fl-isfont ukoll tal-problema tal-immigrazzjoni. F’kummenti ma’ TVM, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu sodisfatt li kien hemm progress dwar l-immigrazzjoni billi l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed jirrikonoxxu li din il-kwistjoni taffettwa lill-Ewropa kollha. Dwar it-taħdidiet li saru b’rabta mal-pandemija, Dr Abela qal li kull pajjiż se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet b’mod individwali biex jikkontrolla it-tixrid tal-COVID.

Fi tmiem il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela qal lil Television Malta li hu sodisfatt li kien hemm progress dwar l-immigrazzjoni billi l-pajjizi qed jirrikonoxxu din mhix problema tal-pajjiżi mediterranji biss, imma li taffettwa lill-Ewropa kollha. Żied li kien hemm qbil biex il-pajjiżi Ewropej ma jħarsux lejn l-Afrika bħala problema iżda bħala opporunità.

“Irridu noffru futur lill-Afrika imma l-futur għall-Afrikani jrid ikun fl-Afrika u mhux fl-Ewropa. Mhux naraw li jkun hemm futur ekonomiku fejn jikkontempla li l-Afrikani jiġu f’exodus lejn l-Ewropa imma li l-opportunitajiet jinħolqu hemm. Nemmen li din id-dinjità li jixraq lill-Afrika, hemm opportunità enormi.”

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll il-kwistjoni tat-Turkija, bil-pożizzjoni ta’ Malta tibqa’ li ma jkunx hemm sanzjoniiet imposti fuq it-Turkija, bi Spanja tieħu l-istess pożizzjoni.

Eku mid-diskussjonijiet tal-Ħamis – il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qal li pajjiżu għandu jibqa jiddiskuti mal-Unjoni Ewropea iżda għadu jħejji għall-eventwalità li ma jintlaħaqx ftehim. Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li mingħajr ftehim, il-fatt li r-Renju Unit ma jkunx jista’ jibbenefika mis-suq uniku tal-enerġija se tiswihom biljun ewro fis-sena, u żied li mhux lest jilħaq ftehim billi jissagrifika lis-sajjieda Ewropej.

“Li hu żgur hu li dan is summit sar taħt id-dell tal-pandemija, bil-każi jiżidedu fi kważi s-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Żewg membri f’dan is-summit, il-President tal Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u il-Prim Ministru tal-Fillandja kellhom jirtiraw kmieni biex imorru fi kwarantina wara li membri qrib tagħhom instabu li kienu pozittivi.”

Il-Prim Ministru Abela qal li il-Kunsill Ewropew ma wassal għall-ebda konklużjoni definittiva fejn tidħol il-pandemija, iżda qal li l-mexxejja qablu li jkomplu jaqsmu l-informazzjoni, waqt li kull pajjiż jibqa jieħu d-deċiżjonijiet b’mod individwali biex jikkontrolla it-tixrid tal-COVID.

“Ebda pajjiż m’għandu s-soluzzjoni jew tweġiba perfetta għall-pandemija. Kull pajjiż qed jagħmel dak kollu li jista’ biex inaqqas in-numru ta’ infezzjonijiet u mwiet. Kulħadd qed iħares ‘il quddiem għall-iżvilupp ta’ vaċċin li jkun disponnibbli.

F’kummenti fi tmiem is-summit, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li jeħtieġ ikun hemm aktar koordinazzjoni bejn l-istati membri dwar l-intraċċar, l-ittestjar, il-kwarantina u t-tilqima.