Qorti
AĠĠORNAT: Sofriet ġrieħi gravi wara li raġel ta’ 130kg waqa’ fuqha mill-gallarija ta’ każin

Il-każ imur lura għall-2014, waqt il-Festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar meta Stephanie Pisani ntilfet minn sensiha fil-bitħa tal-każin tal-banda San Mikiel wara li l-ex kaxxier tal-post, Jason Scicluna, waqa’ mill-gallarija għal fuqha.

Kienu għall-ħabta tal-16:00 meta ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa kienu għaddejjin ġmielhom meta seħħ l-inċident fejn Scicluna, ta’ 130kg, għeleb għal’ isfel mill-gallarija nterna tal-każin.

Pisani ttieħdet l-isptar fejn spiċċat operata f’għonqha għall-ksur li ġarrbet u spiċċat b’20% diżabbiltà permanenti.

Il-Qorti wara li semgħet ix-xhieda sabet lil Scicluna ħati u ordnatu jħallas lil Pisani €41,974 għad-danni.

Il-Qorti qalet li bħala rappresentant tal-każin sabitu rresponsabbli ta’ għemilu u ta’ kif l-attivitajiet kienu għaddejjin waqt iċ-ċelebrazzjonijiet.

Reazzjoni min-naħa tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel, Ħaż-Żabbar fi stqarrija qalet li turi solidarjetà mal-persuni nvoluti fil-każ.

Qalet ukoll li mill-perjodu tal-każ sal-lum kien hemm bidla fil-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda fejn ittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex inċidenti simili jiġu evitati.

Madanakollu, l-Għaqda esprimiet l-opinjoni li sar nuqqas fejn qiegħed jipprova jingħata tort lill-Kumitat jew lill-membri dedikati u professjonali tiegħu.

Filwaqt li l-Għaqda qalet li tinsab konxja mill-fatt li l-Festa tal-Madonna tal-Grazzja u l-Għaqda tattira mijiet ta’ nies, minn sena għal oħra l-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda kontinwament jitkellem mal-awtoritajiet konċernati sabiex ikun hemm aktar għajnuna ta’ kontroll u prekawzjoni.

L-Għaqda qalet li l-festi f’Malta ma jingħatawx assistenza biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà bħal f’attivitajiet pubbliċi oħra.

Għalhekk, l-Għaqda qed tappella li dan il-każ jixpruna diskussjoni u azzjoni għal aktar attenzjoni u għajnuna mill-awtoritajiet sabiex il-Festa Maltija tibqa’ titgawda fit-totalità tagħha.