Soluzzjoni biex torqod flok il-pilloli u l-mediċini

In-nuqqas ta’ rqad jista’ jiġi kawżat minn diversi fatturi biss jeżistu ħafna modi kif wieħed jista’ jindirizza din il-problema li mhux neċessarjament jinkludi l-użu tal-kalmanti, pilloli tal-irqad jew mediċini oħra.

Mistoqsi mill-preżentatur x’jista’ jsir biex persuna tevita milli tieħu xi medikazzjoni biex tindirizza n-nuqqas ta’ rqad, Dr. John Cachia, Kummissarju għas-Saħħa Mentali sostna li hemm diversi modi kif wieħed jista’ jgħin lilu nnifsu biex itaffi l-ħsibijiet minn moħħu. Tenna li individwu jista’ jżewwaq il-ġurnata tiegħu b’passatempi li jħobb jagħmel, billi jmur jagħmel mixja jew xi attività oħra li tgħinu jinsa l-problemi għal ftit ħin biex moħħu jikkalma u jirkupra ftit mill-istress li jkun għaddej minnu. Cachia spjega li l-meditazzjoni u l-yoga huma modi oħra kif wieħed jista’ jgħin lilu nnifsu.  Huwa qal li hawn min isib serħan il-moħħ billi jattendi xi vista l-knisja.

“Dawn huma kollha soluzzjonijiet differenti, lil’hinn mill-pilloli u l-mediċini li jistgħu jgħinu lill-individwu jsib bilanċ f’ħajtu, li jagħtuh soljev biex ikun jista’ jkun aktar ċar f’moħħu f’dak li jkun qed jagħmel” tenna Cachia. Huwa żied jgħid li sfortunatament qegħdin ngħixu f’soċjetà li drat timxi mal-idea li ‘for every end there is a pill’ dan qed iwassal biex ir-rata ta’ preskrizzjonijiet relatati ma’ kalmanti u pilloli tal-irqad qed tibqa waħda għolja.