Sorpriża mill-plejers Griegi… jirrifjutaw bonus mingħand il-Prim

Jekk kinitix is-sorpriża kbira li wettqu fil-Euro 2004 meta rebħu l-kampjonati Ewropej għaxar snin ilu jew il-kwalifikazzjoni drammatika tagħhom din is-sena fl-istadju tal-gruppi, il-plejers Griegi għandhom it-tendenza li jiksbu s-simpatija ta’ bosta.

Rapport fil-midja Griega qiegħed jissuġġerixxi li t-tim irrifjuta b’mod pulit li jieħu bonus mingħand il-Prim Ministru Grieg, Antonis Samaras, wara li għall-ewwel darba rnexxielu jilħaq il-fażi eliminatorja f’din l-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja.

Minflok huma talbu li l-flus jintużaw biex jinbena ċentru ġdid ta’ taħriġ għat-tim nazzjonali biex ikomplu jiksbu riżultati pożittivi għall-pajjiżhom.

“Aħna ma rridux bonus addizzjonali, jew flus. Aħna nilagħbu biss għall-Greċja u l-poplu tagħha…Kulma rridu hu li tappoġġja l-isforzi tagħna biex insibu art u nibnu ċentru sportiv li jilqa’ fih it-tim nazzjonali ta’ artna”, qalu l-plejers lill-Prim Ministru Grieg.