Lokali
AĠĠORNAT: Sospiżi l-permessi ta’ twaqqigħ u skavar b’mod immedjat – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li b’effett immedjat ma jistax isir xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’siti ta’ kostruzzjoni. Id-deċiżjoni li permessi għal dan ix-xogħol jiġu sospiżi temporanjament tħabbret f’laqgħa li l-Prim Ministru kellu mal-operaturi kollha fl-industrija tal-bini wara sensiela ta’ inċidenti li fihom iġġarrfu residenzi ħdejn siti ta’ kostruzzjoni. L-aħħar inċident seħħ dalgħodu fi G’Mangia meta ċeda ħajt ta’ żewġ kmamar ta’ appartament ħdejn sit fejn kien għaddej skavar.

Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru ħabbar li nhar it-Tnejn, il-Gvern se joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika regolamenti ġodda dwar il-kostruzzjoni li jsaħħu l-liġijiet attwali waqt li se jżidu l-multi b’mod qawwi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddeskriva bħala produttiva laqgħa mal-operaturi fl-industrija tal-bini li qal se tissokta fil-jiem li ġejjin waqt li nhar it-Tnejn il-Gvern se jħabbar regolamenti ġodda dwar l-industrija. Ir-regolamenti proposti se jkunu miftuħa għal konsultazzjoni pubblika għal ħamest’ijiem.

Dr Muscat qal li l-liġijiet attwali diġà jipprovdu ta’ min huma r-responsabilitajiet, iżda qal li qed jiġru affarjiet li quddiemhom wieħed ma jistax jagħlaq għajnejh. Il-Prim Minsitru qal li l-permessi ta’ twaqqigħ u skavar jinsabu sospiżi sakemm f’anqas minn ġimagħtejn il-Kabinett japprova regolamenti ġodda u jidħlu fis-seħħ minnufih.

“Id-deċiżjonijiet iebsin fejn hemm bżonn li jittieħdu se jkunu qegħdin jittieħdu, il-Gvern għandu r-rieda li jeħodhom imma li nifhmu l-argumenti ta’ kulħadd u tqajjmu argumenti f’din il-laqgħa stess solidi ħafna dwar punti li għandhom jiġu kkunsidrati u li l-Gvern se jkun qiegħed jikkunsidrahom.”

Il-Prim Ministru ta’ ħjiel tal-abbozz tar-regolamenti l-ġodda, bil-proposti jinkludu li l-perit jew is-site manager ikunu fil-post fejn ikun qed isir xogħol ta’ twaqqigħ u skavar; u li jsir studju ġeoloġiku għal kull xogħol ta’ skavar, irrispettivament mill-fond tat-tħaffir. Dr Muscat ħabbar ukoll li l-multi għal min jikser ir-regolamenti se jiżdiedu minn €500 għal €10,000 u minn €1,200 għal €50,000 għal sidien li jibqgħu għaddejjin bix-xogħol minkejja li jkun inħarġilhom avviż biex jieqfu.

Il-Prim Ministru qal li waqt il-laqgħa qam il-punt li l-inċidenti qed isiru f’siti ta’ kostruzzjoni żgħar għax fuq siti kbar hemm tendenza li jkun hemm aktar ħarsien tar-regolamenti. Saħaq li bit-tisħiħ tar-regolamenti l-ġodda, l-istandards se jibdew japplikaw għal kull proġett ta’ kostruzzjoni.

Dwar il-miżura temporanja ta’ sospensjoni ta’ kull xogħol ta’ twaqqigħ u skavar, Dr Muscat qal li hu stess qed jerfa’ r-responsabilità tagħha. Qal li f’każijiet fejn jekk jitwaqqaf ix-xogħol ikun hemm periklu, il-Perit għandu jagħmel talba mal-Building Regulation Office biex ix-xogħol jitkompla.

Wara l-laqgħa, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, qal li hemm ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih

“Mas-sigurtà tal-ġirien m’hemmx logħob, jiġifieri se nkunu fuq quddiem, fuq il-forefront, li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess taċ-ċittadini.”

Aktar qabel, kiteb lill-Prim Ministru, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman. Il-Perit Alan Saliba ressaq għadd ta’ proposti u fost oħrajn ġibed l-attenzjoni li minkejja l-liġi tesiġi li ma jsirx skavar f’distanza ta’ inqas minn tliet kwarti ta’ metru minn ħajt diviżorju, mill-pjanti sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar stess, wieħed jinnota li din il-liġi qed tiġi skartata.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Żewġ persuni ntlaqtu minn vettura fil-Marsa. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30am fi Triq Xatt l-Għassara ma’ moll iċ-ċingaturi. Il-karozza kienet misjuqa minn mara ta’ 28 sena mill-Imqabba. Il-persuni milquta huma żewġt…

Lokali

Il-Ministri Konrad Mizzi u Owen Bonnici qalu li nħolqu profili foloz tagħhom u qed joqogħdu jitkellmu man-nies. Fuq Facebook, il-Ministru Bonnici qal li min ħoloq dawn il-profili qed joqgħod jkellem…

Edukazzjoni

Is-sena li għaddiet 3,500 tifel u tifla ta’ bejn it-tlieta u s-sittax-il sena ġew reġistrati fil-Klabb 3-16. Is-servizz mogħti minn madwar 600 persuna fi 28 skola joffri serħan il-moħħ u…

Kronaka

Fire Gepostet von Paul Camenzuli Kerr am Sonntag, 18. August 2019 Nirien li tkebbsu f’residenza privata fi Triq Bizazza f’Tas-Sliema waslu biex 12-il persuna li kienu evakwati ngħataw l-assistenza medika…

Aktar