Lokali
AĠĠORNAT: Sospiżi testijiet fuq tilqima għall-Covid-19

Ġew sospiżi temporanjament it-testijiet li qed isiru fuq il-bnedmin bit-tilqima għall-Covid-19 li qed tiġi żviluppata mill-Università ta’ Oxford flimkien mal-kumpanija AstraZeneca.

It-testijiet fuq din it-tilqima, li hija kkunsidrata fost l-iktar li qed jippromettu u li l-Kummissjoni Ewropea ffirmat kuntratt għaliha, twaqqfu temporanjament minħabba li parteċipant fir-Renju Unit li rċieva t-tilqima waqt it-tielet u l-aħħar fażi tat-testijiet żviluppa xi kumplikazzjonijiet.

Filwaqt li l-kumpanija ma kkummentatx fuq in-natura tal-kumplikazzjoni, sezzjonijiet tal-midja rrapportaw li wieħed mill-parteċipanti fir-Renju Unit kellu fjammazzjoni fis-sinsla tad-dahar, magħrufa bħala transverse myelitis. Madanakollu mhux magħruf jekk dan il-parteċipant huwiex l-istess wieħed li minħabba fih twaqqfu t-testijiet.

Kien irrappurtat li l-parteċipant mistenni jirkupra, iżda peress li r-raġuni għall-kumplikazzjonijiet ma kinitx ċara immedjatament, it-testijiet twaqqfu fil-pajjiżi kollha. Din hija prassi ta’ rutina li tittieħed għall-fini ta’ sigurtà kull meta jkunu qed isiru t-testijiet fuq it-tilqim.

S’issa kien hemm madwar 30,000 parteċipant fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel li rċieva t-tilqima, u Oxford qalet li din kienet it-tieni darba minn April ‘l hawn li t-testijiet twaqqfu sakemm ikun aċċertat minn xiex qed ibati l-parteċipant li jkun irċieva t-tilqima.

Normalment l-awtorizzazzjoni mir-regolatur mediku MHRA biex it-testijiet jitkomplew jieħu numru ta’ ġranet.

Ilbieraħ il-virologu Dr Chris Barbara esprima ma’ TVM il-fiduċja li din it-tilqima partikolari ma tikkaġunax ħsara għaliex hija bbażata fuq tilqima li diġà tiġi amministrata għal ħafna infezzjonijiet u viruses oħra.

Ara iktar hawn:

‘Il-kimika fil-vaċċin t’Oxford hi sigura u diġà tintuża f’tilqim għal viruses oħrajn’

Ara wkoll:

Il-KE tikkonkludi taħditiet mas-sitt kumpanija li qed tittestja tilqima għall-Covid-19