Ippjanar u bini
AĠĠORNAT: Sospiżi x-xogħlijiet kollha fuq il-proġett ta’ Manoel Island

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar issospenda x-xogħlijiet kollha fuq il-proġett ta’ Manoel Island sakemm jiġi approvat Masterplan ġdid għal dan is-sit.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tal-Awotrità waqt li kien qiegħed jikkunsidra oġġezzjoni tal-Għaqda Flimkien Għall-Ambjent Aħjar biex jiġu revokati erbgħa permessi tal-proġett tal-MIDI fuq Manoel Island.

B’effett tad-deċiżjoni ma jistgħu jsiru l-ebda xogħlijiet mill-MIDI fuq Manoel Island sakemm ikun hemm deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar f’seduta oħra.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Flimkien għall-Ambjent Aħjar qalet li fil-fehma tagħha, l-Awtorità qiegħda taġixxi tard għax il-permessi kollha li ħarġu instabu li kienu bbażati fuq frodi ta’ kunflitt ta’ interess xhur ilu.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-konsorzju MIDI qal li f’dan l-istadju il-bord jaqbel mad-deċiżjoni tal-Awtorità u li ser tkun qiegħda tissottometti studju dwar l-impatt ambjentali u Masterplan għal Manoel Island fi żmien xahar.