Stejjer Umani
“Sparawli f’rasi u llum ġo siġġu tar-roti, bilkemm niċċaqlaq”

Sa qabel Marzu ta’ 6 snin ilu, Matthew Dingli kien jaħdem u jgħix il-Libja, b’negozju ta’ suċċess, hekk kif ma’ sieħbu kellhom fabbrika tal-injam. Spiċċa nġieb Malta b’urġenza mill-awtoritajiet Maltin b’ajruplan-ambulanza minħabba li xi rġiel armati sparawlu tir f’rasu u kien fil-periklu li jitlef ħajtu.

Matthew, li llum għandu 38 sena, għadu jbati l-konsegwenzi ta’ dak li kien ġralu fil-Libja, għax għad għandu balla li ma tistax tinqala’, inkella jmut. Ir-raġel għandu diżabilità severa, kif irrakkonta f’intervista ma’ TVM.

“Kont tlajt għax-xogħol, inqalgħet il-gwerra, ċempluli biex ninżel u ma nżiltx, ġew biex jisirquni u sparawli f’rasi, ma ntiegħem xejn, u ma nħoss xejn, qas għandi bżonn lopju għax ma nħoss xejn.”

Għal diversi snin, Matthew kien jgħix fir-residenza tal-anzjani San Vincenz de Paule, iżda llum qed joqgħod fiċ-ċentru ġdid Narċis ma’ tliet persuni oħra. Matthew qal li qed iħossu ferħan għax in-nies li jqatta’ ħin magħhom għandhom bejn wieħed u ieħor l-età tiegħu. “Tajjeb, kuntent ħafna, il-ward li fetħu mhux għall-anzjani imma għaż-żgħar, u tħossok komdu.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paule, Dr Josianne Cutajar, qalet li qed jaraw riżultati pożittivi fost ir-residenti taċ-ċentru Narċis. “It-titijib tarah u tmissu, jgħixu f’post ġovanili, imdawra b’tim ippreparat għalihom, u allura għandhom stimulu biex imorru lil hinn minn istitulizzazzjoni li kellhom fis-swali tagħna.”

Iċ-ċentru Narċis infetaħ fi Frar u jista’ jilqa’ sittax-il persuna li jew spiċċaw b’diżabilità kawża ta’ inċident jew ikollhom bżonn kura fit-tul. Il-kura qed tingħata mill-professjonisti b’fiżjoterapija, occupational u speech therapy, dentistrija u anke għajnuna psikoloġika. Iċ-Ċentru Narcis huwa mgħammar b’gym, ‘indoor pool’ u kamra multisensorjali fost faċilitajiet oħra.