Kultura
Spazju Kreattiv se jibqa’ jkun sors ta’ tama għas-settur kreattiv lokali b’diversi attivitajiet matul l-2021-2022

Ippubblikat il-programm ta’ Spazju Kreattiv għall-istaġun li ġej bil-post ifittex li jibqa’ jkun sors ta’ tama għas-settur kreattiv lokali fi żmien fejn il-pandemija għadha magħna.

Il-programm artistiku għax-xhur li ġejjin jinkludi diversi avvenimenti minn ġeneri artistiċi differenti u b’kollaborazzjonijiet lokali u internazzjonali.

Tela’ s-siparju fuq l-istaġun il-ġdid ta’ Spazju Kreattiv, bi programm b’aktar minn 550 avveniment, 350 kollaboratur u 17-il forma artistika kreattiva li se jkunu ppreżentati lill-udjenzi minn Spazju Kreattiv stess.

Wara dak li seħħ fl-aħħar staġun, l-esperjenza diġitali se tirritorna b’videos u diskussjonijiet onlajn, podcasts, tours u galleriji tal-arti virtwali.

Iċ-Chairman ta’ Spazju Kreattiv, Rupert Cefai, qal li b’ħidma u b’kollaborazzjonijiet lokali u internazzjonali, il-programm hu mibni fuq strateġija ta’ avvenimenti b’riflessjonijiet soċjo-politiċi lokali u globali filwaqt li jipprovdu opportunitajiet għal artisti professjonali u ġodda.

“X’nifhmu biha l-kreattività? Il-kreattivita’ mhijiex biss x’jista’ jiġri ġo teatru jew f’sala ta’ esebizzjoni imma l-kreattività hija d-djalogu li l-artist ikollu mal-udjenzi tiegħu…issa l-udjenzi tilħaqha b’ħafna metodi. Il-metodi li għandna f’idejna huma l-metodi tradizzjonali tal-użu tat-teatri u l-ispazji…u l-udjenzi jintlaħqu wkoll bil-forom diġitali kollha li jeżistu.”

Id-direttur artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi qal li l-programm jinkludi diversi ġeneri artistiċi kreattivi, produzzjonijiet teatrali oriġinali u oħrajn speċjalizzati inkluż avvenimenti għal anzjani; firxa ta’ attivitajiet biex il-familji u t-tfal igawdu flimkien permezz tal-festival ŻiguŻajg, u inizjattivi li jappellaw għall-adolexxenti u l-adulti.

Huwa spjega li Spazju Kreattiv huwa inkubatur għal-laqgħat u skambji kreattivi, u b’għażla ta’ kitba ġdida għat-teatru, dan l-istaġun jinkludi wkoll serje ta’ wirjiet tal-arti, programm taċ-ċinema arthouse u serje ġdida ta’ kunċerti ta’ mużika.

“Hija wkoll li noħolqu skambju ta’ ideat ma’ artisti internazzjonali li mhux biss inġibu xogħol ta’ fama kbira internazzjonali li nġibu xogħol ta’ livell għoli artistiku imma b’dik l-opportunità, nagħtu opportunità wkoll biex artisti Maltin u internazzjonali jaħdmu flimkien u dik hija ħaġa importanti ħafna biex inkomplu ntellgħu’ l-livell tax-xogħlijiet.”

Il-Ministru għall-Arti, José Herrera, qal li l-pandemija għenet biex in-nies japprezzaw aktar l-importanza tal-arti u l-kultura.

Huwa qal li minkejja li kien żmien ta’ sfida serva wkoll bħala żmien għall-artisti biex jimirħu fil-kreattività u issa wasal iż-żmien li jerġgħu jwasslu ix-xogħol tagħhom lill-udjenzi u jidħlu fi djalogu magħhom.