Annimali
In-Nakkra tal-Ħarira u l-Bronja tal-Fond taħt theddida

Ir-rimi ta’ skart u l-ankraġġ huma fost l-aktar attivitjiet li l-aktar jagħmlu ħsara fl-ambjent marittimu. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA għaddejja b’eżerċizzju biex tidentifika miżuri ta’ konservazzjoni f’żoni marittimi protetti fl-ibħra Maltin, fosthom sistemi ġodda ta’ ankraġġ.

In-Nakkra tal-Ħarira, l-ikbar arzella tal-Mediterran u li tista’ tgħix sa għoxrin sena; u l-Bronja tal-Fond – bebbuxu kbir ħattafi li jiekol l-istilel tal-baħar huma fost l-ispeċi li jinsabu f’riskju ta’ estinzjoni.

Fost il-kawża ta’ din il-qerda ta’ dawn l-ispeċi, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, tinnota li l-ankraġġ mil-vapuri u l-opri tal-baħar qed jeqred il-Posidonia Oceanica f’qiegħ il-baħar li hija l-abitat naturali ta’ ħafna speċi bħal dawn.

Id-Deputat Direttur tal-ERA, Darrin Stevens qal “meta d-dgħajsa twaddab l-ankra dirett fuq merat tal-alka jew f’postijiet fejn issib annimali bħan-nakra li hija tip ta’ arzella kbira li tista’ tikber sa metru. Dawn l-arzell faċilment jinkisru mill-ankri u kif jixhdu diversi filmati l-alka wkoll tiġi affettwata.”

Darrin Stevens qal li l-Awtorità tal-Ambjent qed tikkunsidra miżuri biex tittaffa din il-ħsara f’żoni marittimi protetti.

“Sistemi ta’ moorings ekoloġiċi naturali bħalma jinstabu barra minn Malta, fejn wieħed minflok jibda jitfa’ l-ankra fil-baħar jista jorbot ma’ bagi partikolari u hekk inaqqas l-impatt fuq l-ambjent tal-baħar” qal Darrin Stevens.

Is-sur Stevens qal li minn tagħrif li l-Awtorità qed tiġbor flimkien ma’ Nature Trust jirriżulta li wieħed minn kull ħames speċi li jinstabu midruba jew mejta huwa riżultat ta’ skart li jitfa’ l-bniedem fl-ibħra.

“Hija preokkupanti li 20% tal-annimali, partikolarment il-fkieren li jinstabu jkollhom ġrieħi kkaġunati mill-plastik u li f’ċerti każijiet twassal għall-mewt tagħhom” kompla jgħid is-sur Stevens.

Minn diversi proġetti ta’ riċerka, fosthom il-LIFE Baħar ikkordinat mill-ERA, irriżulta kemm l-ibħra Maltin huma l-abitat naturali għad-diversità. Fl-aħħar għaxar snin, Malta ddikjarat f’4,100 kilometru kwadru tal-ibħra tagħha bħala żoni marittimi protetti li jinkludu fost oħrajn il-baħar madwar Kemmuna, Filfla, Ta’ Ċenċ u Għajn Tuffieħa. B’kollox iż-żoni marittimi protetti jkopru aktar minn 35% ta’ żona għas-sajd li taqa’ taħt ir-responsabilità ta’ Malta li testendi sa 25 mil nawtiku ‘l barra minn xtutna.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Oppożizzjoni qalet fi stqarrija li se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi biex jinvestiga b’urġenza l-għoti tal-hekk imsejħa “golden handshake” lill-uffiċjali biex jirriżenjaw mill-impjieg. Dan wara, fost oħrajn, il-protest ġudizzjarju li…

Turiżmu

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019…

Immigrazzjoni

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja ġew diskussi fl-ogħla livell f’taħditiet f’Ruma bejn il-President George Vella u l-President Sergio Mattarella propju fl-istess ħin li fuq il-baħar kienet għaddejja kwistjoni oħra…

Kronaka

Raġel weġġa’ gravi f’inċident f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq Delimara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Kalkara kien qed…

Aktar