Lokali
Spettaklu bit-tajr u r-riħ f’Għawdex

Fl-inħawi pittoreski tal-kappella ta’ San Dimitri fil-limiti tal-Għarb qed issir ir-raba’ edizzjoni tal-festival tat-tajr u r-riħ. Ir-riħ mill-Majjistral li nefaħ fl-aħħar sigħat għen mhux ftit biex it-tajr ħoloq spettaklu kemm ta’ lwien kif ukoll ta’ forom differenti fosthom annimali. Din is-sena qed jieħdu sehem 40 parteċipant.

Fil-kampanja tar-raħal pittoresk tal-Għarb, fi tmiem din il-ġimgħa qed jiġi organizzat ir-raba’ Festival Internazzjonali tat-Tajr u r-Riħ.

Għal darb’oħra dan il-festival offra spettaklu ta’ lwien fis-smewwiet. II-manifattura tat-tajr kienet tradizzjoni popolari ħafna f’Għawdex speċjalment fost it-tfal u l-familji, iżda maż-żmien tista’ tgħid li ntilfet.

Għall-festival tat-tajr u r-riħ organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb, din it-tradizzjoni għaqqdet flimkien diversi pajjiżi u kulturi. Is-sindku tal-Għarb David Apap Agius qal li fost it-12-il pajjiż li qed jieħdu sehem hemm il-Messiku, iċ-Ċina, l-Irlanda, Spanja u l-Ingilterra.

“Bħas-soltu ġibna wkoll il-barranin li l-maġġorparti huma barranin tal-parteċipanti. Għandna madwar 40 parteċipant minn madwar id-dinja kollha u dawn kollha ġew bit-teknika tagħhom, bil-kites tagħhom sabiex ikunu jistgħu jtajru hawnhekk u jesebixxu l-kites tagħhom ikkuluriti fl-inħawi ta’ San Dimitri.”

Ir-riħ tal-aħħar sigħat fil-gżejjer Maltin għen biex il-festival fl-għelieqi qrib il-kappella ta’ San Dimitri jkun suċċess. Proprju fi tmiem din il-ġimgħa tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Dimitri b’dan il-festival jintemm il-Ħadd filgħaxija. Normalment, bħal għada ssir fiera u l-ħruq ta’ ħuġġieġa tradizzjonali iżda minħabba l-pandemija din is-sena dawn mhux se jsiru. Il-festival tat-tajr u r-riħ ġie organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat tal-Wirt Kulturali.