Lokali
Spettaklu fil-Port il-Kbir waqt il-Valletta Pageant of the Seas

Il-Port il-Kbir u l-qlugħ tad-dgħajjes offrew sfond spettakolari għall-Valletta Pageant of the Seas, l-ikbar avveniment tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li din is-sena sar mingħajr udjenza madwar l-ibliet tal-Port minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID.

Għall-ewwel darba r-regatta kienet għall-qaddifa nisa u ntrebħet mill-Birgu waqt li Tellieqa Telliqun ntrebħet minn ċatra magħmula mill-pipijiet u l-flixken tal-plastik fost l-oħrajn.

Il-karba ta’ wieħed mill-artiġjana Beltin biex ngħożżu s-snajja tradizzjonali dwiet mal-Port il-Kbir kollu lejn tmiem it-tielet edizzjoni ta’ Valletta Pageant of the Seas taħt id-direzzjoni artistika ta’ Chris Baldwin.

Leħen l-artiġjan kien parti mill-ispettaklu msejjaħ ‘il-mappa’ bis-sehem ta’ 34 dgħajsa tal-qlugħ u 20 dgħajsa tal-pass.

Il-qlugħ tad-dgħajjes inbidlu f’mera li fuqha ntwerew diversi projections relatati mal-Belt Valletta u b’mod partikolari l-Beltin li jagħmlu jew kienu jagħmlu xogħol bl-idejn bħal ħaddieda, inġiniera, arġentiera u dawk li jdoqqu l-qniepen.

Il-Valletta Pageant of the Seas bdiet bit-tellieqa ikonika, Tellieqa Telliqun li fiha ħadu sehem disa’ timijiet li bndew bċejjeċ tal-baħar bl-użu ta’ materjal riċiklat. It-tellieqa ntrebħet mit-tim ta’ Ryan Farrugia u Sephora Sammut, b’dgħajsa bl-isem ta’ ‘Quickie’.

Sinonima wkoll ma’ dan l-avveniment hija r-regatta iżda din id-darba b’differenza għaliex għall-ewwel darba saret b’qaddiefa nisa biss.

It-tim tal-Birgu magħmul minn Glynnis Mizzi u Rachelle Gialanze bl-għajnuna tat-tmuniera ta’ ħames snin Cayenne Mizzi rebaħ it-tellieqa filwaqt li fit-tieni post ikklassifikaw il-qaddiefa ta’ Birżebbuġa u t-tielet ta’ Bormla.

Kuntrarju għal madwar 100,000 persuna li attendew iż-żewġ edizzjonijiet l-imgħoddija, minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-COVID, il-Valletta of Pageant of the Seas ta’ din is-sena organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta saret mingħajr udjenza fil-Port il-Kbir u minflok ixxandret fuq l-istazzjonijiet u l-mezzi soċjali tal-PBS.