Lokali
Spettaturi virtwali għat-tmiem il-ġimgħa li ġej – Spazju Kreattiv jiftaħ il-kalendarju kulturali

Spazju Kreattiv qed jaspira li jilħaq udjenza usa’ meta fi tmiem il-ġimgħa se jkun qed jiftaħ il-kalendarju kulturali b’kunċert virtwali mill-band Brikkuni li se tkun qed tniedi r-raba’ xogħol diskografiku “Il-Ħajja, il-Mewt, in-Nisa – it-Tnedija”. Il-kunċert se jkun wieħed minn sensiela li mistennija jsiru b’dan il-kunċett ġdid, b’udjenza minima skont il-protokolli tas-saħħa fi Spazju Kreattiv u spettaturi virtwali li jkunu jistgħu jsegwu l-attivitajiet bi ħlas mill-kumdità ta’ darhom.

Tliet kunċerti mill-band Brikkuni ppjanati għal tmiem din il-ġimgħa fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, huma kollha mibjugħin. L-uffiċjal ta’ Spazju Kreattiv Justin Galea qal li l-kunċerti fit-teatru t-tond li hemm fil-Kavallier ta’ San Ġakbu se jsiru skont ir-regoli tal-awtoritajiet tas-saħħa biex irażżnu l-imxija. Minflok se jkun hemm udjenza ta’ 152, huma biss 64 spettatur li se jattendu f’kull serata.

Malli n-nies jidħlu fi Spazju Kreattiv se titteħdilhom it-temperatura u se japplikaw is-sanitizer. Se jittieħdu d-dettalji ta’ kull min jattendi f’każ li jkun hemm bżonn ta’ contact tracing filwaqt li n-nies iridu jsegwu l-kunċert lebsin il-maskra bilqiegħda b’mod li se tinżamm id-distanza soċjali. Iżda l-pubbliku xorta għandu ċ-ċans li jsegwi l-kunċert tas-Sibt filgħaxija dirett mill-internet bi ħlas mill-kumdità ta’ daru.

“Sabiex nagħmlu l-kunċert aktar aċċessibli, jew għax jinsab fi stat vulnerabbli, jew għax qed jibża’, jew jaħseb aħjar ma jiġix għal xi raġuni jew oħra, qed noffru l-opportunità ta’ live streaming tal-kunċert, jiġifieri waqt li l-kunċert ikun qed isir hawnhekk fit-teatru in-nies fid-djar tagħhom jistgħu jaraw fuq kompjuter, fuq television,” qal Justin Galea.

Il-kunċerti minn Brikkuni se jservu biex ivaraw uffiċjalment r-raba’ xogħol diskografiku tagħhom “Il-Ħajja, il-Mewt, in-Nisa – It-tnedija” – attività li kellhom jagħmlu f’April li għadda li iżda tħassret meta ġiet imposta l-emerġenza medika fil-pajjiż minħabba l-pandemija.

L-amministrazzjoni ta’ Spazju Kreattiv kienet ġentili biżżejjed li offritilna din l-opportunità u dan l-ispazju biex inkunu għal inqas fuq skala ferm iżgħar milli naturalment kien ipjanar oriġiarjament u finalment invaraw dan ix-xogħol,” qal Mario Vella.

Qabel Brikkuni se tiddebutta l-band Edgar Allan Paul.