Saħħa
“Spiċċajt niekol biss ċereali bl-ilma biex nirqaq”

Ingliża li ġiet Malta minħabba raġunijiet ta’ saħħa rrakkuntat kif minħabba l-‘anorexia nervosa’ spiċċat tiekol biss ċereali bl-ilma biex tirqaq.

Rachael Hollwey ilha 12-il sena tiġġieled din il-kundizzjoni relatata mal-ikel fejn il-persuna tiekol mill-inqas u tispiċċa b’piż baxx minħabba biża’ li se teħxien anke jekk fil-verità tkun irqiqa.

Wara li rkuprat Hollwey kitbet il-ktieb “At War with my Mind” (Fi Gwerra ma’ Moħħi) fejn irrakkuntat dak li għaddiet minnu anke biex tagħmel kuraġġ lil dawk li għaddejjin mill-istess problema.

Fuq TVAM, hija rrakkuntat kif kellha madwar 14-il sena meta bdiet tiffaċċja din il-problema u spiċċat tiżen biss 29 kilos, 15-il kilo inqas milli tiżen illum, fejn anke kienet tarmi l-ikel flok tieklu u tagħmel ħafna eżerċizzju biex tirqaq.

Holloway qalet li tant kemm irqaqet li ommha kienet tgħidilha li kienet qisha lasta ta’ xkupa u spiċċat lanqas biss tiflaħ timxi u anke waqgħet f’dipressjoni.

Darba marret tixtri jeans u għalkemm kien ta’ daqs ‘double zero’ staqsithom għal wieħed iżgħar imma tal-ħanut qalulha li ma kienx hemm iċken.

Hija tgħid li għalkemm kienet taf li qed tagħmel ħsara lilha nnifisha moħħha kien maħkum u tiddeskrivi din il-ġlieda bħala “gwerra f’moħħha”.

Hollwey tgħid li kien grazzi għall-familjari tagħha li rnexxielha tiffaċċja din il-kundizzjoni li wasslitha biex tispiċċa ħames darbiet l-isptar lura f’pajjiżha.

Minħabba l-problemi ta’ saħħa t-tobba ssuġġerewlha li tmur tgħix f’pajjiż fejn it-temperatura kienet inqas kiesħa minn tar-Renju Unit u l-għażla waqgħet fuq Malta anke jekk tgħix li ma kinitx taf fejn tiġi.

Il-mara tgħid li llum hija kuntenta li rnexxielha tegħleb il-kundizzjoni u tħeġġeġ lil dawk li jgħaddu mill-istess problema biex ifittxu l-għajnuna.

It-tama tagħha hija li bir-rakkont tal-esperjenza li għaddiet minnha sservi ta’ tama għal dawk li jkunu għaddejjin minn problemi mentali li minbarra li ħallew impatt negattiv fuqha ħadulha wkoll ħabiba tagħha.