Spiżjara tingħata €4,000 f’kumpens għax tkeċċiet wara li kellha tarbija

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li s-sidien ta’ spiżerija fil-Marsa kellhom iħallsu €4,000 f’kumpens lil ex impjegata tagħhom, u dan peress li kienu temmewlha l-impjieg wara li kellha tarbija. Minflokha kienet ġiet impjegata mara oħra li kienet xebba u bla tfal.

Anita Cassar Bellizzi kienet marret quddiem it-Tribunal Industrijali biex tingħata kumpens għaliex sostniet li kienet ġiet iddiskriminata meta l-impjieg tagħha bħala Managing Pharmacist f’San Raffael Pharmacy kien intemm inġustament.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, ikkunsidrat li Cassar Bellizzi bdiet taħdem mal-ispiżerija part-time fl-2008, u tliet xhur wara bdiet titħaddem full-time iżda b’sigħat imnaqqsa. Wara sentejn u nofs kellha tarbija, u meta daħlet lura mil-leave tal-maternità ġiet infurmata li l-ispiżerija kien hemm bżonn li titmexxa minn xi ħadd li jaħdem sigħat sħaħ.

Minkejja li Cassar Bellizzi aċċettat li taħdem sigħat sħaħ, ma kienx hemm qbil fuq il-paga, hekk kif it-tmexxija tal-ispiżerija m’aċċettatx li tħallasha €2,000 fix-xahar. Hija għalhekk kellha tirriżenja, u minflokha ġiet impjegata mara oħra li kienet xebba u mingħajr tfal. Din ingħatat paga ta’ €1,800 fix-xahar.

Il-Qorti kkunsidrat li minkejja li l-ispiżjara l-ġdida ngħatat paga inqas, din kellha inqas esperjenza u ma kinitx ilha taħdem mal-ispiżerija bħal Cassar Bellizzi. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li ma kienx minnu li Cassar Bellizzi ma riditx taħdem full-time, għaliex ix-xogħol li sabet wara li tkeċċiet kien fil-fatt full-time.

Il-Qorti għalhekk ikkonfermat is-sentenza tat-tribunal li kien hemm trattament diskriminatorju. Minkejja li l-Qorti laqgħet l-argument li l-mara sabet impjieg immedjatament u għalhekk ma sofrietx telf, madankollu din xorta kellha tiġi kkumpensata għall-ksur, bil-kumpens ta’ €4,000 jiġi kkonfermat.