Kurżitajiet
Sptar fl-Italja jitlef is-saba’ ta’ ħaddiem li nqatagħlu fuq il-post tax-xogħol

Fl-Italja l-awtoritajiet tas-saħħa fetħu inkjesta wara li sptar kien akkużat li tilef is-suba’ ta’ ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol.

Il-ħaddiem, Indjan ta’ 57 sena, tilef is-suba’ f’inċident li seħħ fil-15 ta’ Novembru tal-2020 f’Cuneo. Huwa daħal fl-isptar ta’ Moncalieri f’Turin u fl-24 ta’ Novembru saritlu operazzjoni għall-ġrieħi li sofra. Madankollu r-raġel skopra li s-suba’ ma kienx twaħħallu u bdiet investigazzjoni dwar il-każ.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li infermiera ratu li kien swied u għalhekk ħasset li ma kienx tajjeb. L-avukat tiegħu, Sabrian Di Guardo, talbet li tinfetaħ inkjesta biex jiġi stabbilit x’ġara eżatt dakinhar tal-intervent. Hija qalet li mhux sorpriża li s-suba’ kien jidher qisu iswed meta tqis li l-ħaddiem huwa ta’ karnaġġjon skur.

Sadanittant il-ħaddiem mhux biss tilef is-suba’ imma anke l-impjieg u spiċċa jgħix f’karozza.

L-inkjesta trid tistabbilixxi jekk kienx hemm traskuraġni min-naħa tal-isptar fin-nuqqas li jwaħħal lura s-suba’ tal-ħaddiem.