Avjazzjoni
SR Technics tinvesti €44 miljun f’hangar ġdid

Il-kumpanija SR Technics qed tippjana biex fix-xhur li ġejjin tiffinalizza proġett b’investiment ta’ €44 miljun fuq hangar ġdid tal-ajruplani.

Huwa kkalkulat li s’issa tlesta 75% ta’ dan il-proġett bil-kumpanija qed tippjana li timpjega aktar ħaddiema u b’hekk ittella’ it-total ta’ impjegati għal 350.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li qed isiru fil-hangar flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics Jean-Marc Lenz u l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Il-hangar il-ġdid, li qed jinbena fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru, mhux biss se jilqa’ ajruplani akbar imma sa sitt ajruplani f’daqqa għall-manutenzjoni.

Il-Ministru Dalli rrimarkat li għalkemm il-pandemija ħalliet impatt negattiv fuq is-settur tal-avjazzjoni kien inkoraġġanti li tara kumpanija ewlenija bħalma hi l-SR Technics timxi ‘l quddiem b’dan il-proġett.

“Dan kollu kien possibbli grazzi għas-sapport li ngħata mill-Gvern u minn Malta Enterprise matul dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà kif ukoll għall-bżulija tal-ħaddiema. Dan il-proġett huwa simbolu ta’ fiduċja f’Malta, bħala pajjiż li jattira kumpaniji għall-investiment, joperaw u tgħinhom jikbru”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SR Technics qal li bħala operatur ewlieni tal-magna MRO l-kumpanija għandha impenn fit-tul li tkompli tagħti servizz ta’ MRO f’Malta.

“Qed nistennew li jkollna żieda f’investiment lokali, żieda fil-ħaddiema u tisħiħ fis-servizz lejn il-konsumatur. SR Technics hija grata u tirringrazzja lill-Gvern u lil Malta Enterprise f’dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà”, żied jgħid Lenz.