St John Rescue Corps: servizz lill-komunità f’attivitajiet u emerġenzi nazzjonali

Is-St John Rescue Corps qed jagħmel stedina għal voluntiera nteressati li jagħtu ħinhom f’attivitajiet nazzjonali, ħidmiet ta’ salvataġġ jew amministrazzjoni. Matul il-ġurnata ta’ għada l-Ħadd, din l-organizazzjoni se tiftaħ il-bibien tal-kwartieri tagħha fil-Forti Madliena biex turi l-ħidma li twettaq lill-pubbliku.

StJRC_image_07Is-St John Rescue Corps ilu mwaqqaf milll-1987 u l-membri joffru s-servizzi tagħhom b’mod volontarju. Andrew Grech li jmexxi s-St John’s Rescue Corps spjega li l-organizzazzjoni spiss tagħmel id-differenza bejn ħajja jew mewt f’emerġenzi bħal għargħar, operazzjonjiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar u operazzjonijiet ta’ tifi tan-nar. Il-membri tas-St John Rescue Corps, li huma aktar minn tmenin, spiss jintlabu biex ikunu preżenti f’avvenimenti tal-massa u jassistu lill-awtoritajiet.

“Giet iffurmata bi skop li jkun hawn korp dixxiplinat ta volontiera li joffru is-servizzi tagħhom meta l-pajjiż ikollu bżonn,” spjega l-Kummissarju ta’ St John Rescue Corps Andrew Grech.

Minkejja li l-ebda membru tal-korp ma jitħallas tas-servizz, is-Sur Grech qal li l-membri huma mħarrġa, f’xi każi f’livell ta’ speċjalizzazzjoni biex jagħtu l-kontribut tagħhom, kemm milll-lat ta’ prevenzjoni u anki waqt operazzjonijiet infushom.

StJRC_image_09Fi żjara fil-kwartieri tal-għaqda li jinsabu fil-Forti Madliena, Roderick Theuma li għadu kemm rebaħ il-premju nazzjonali tal-volontier tas-sena qal li minkejja li joffri l-ħin tiegħu volontarjament, iħossu kburi li jħalli effett fuq il-ħajja ta’ dawk li jkollhom bżonn is-servizzi tiegħu. Semma drabi meta intervjena flimkien mal-membri tas-St John f’ċirkustanzi ta’ għargħar.

“Niftakar l-iktar konna ħriġna fuq flooding darba u għenna nies, għenihom joħorġu, ċaqlaqna l-karozzi tagħhom li kienu mwaħħlin fl-ilma u ma setgħux joħorġu minnhom, dawk l-iktar,” qal wieħed mill-membri, Roderick Theuma.

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, is-St John Rescue Corp se jiftħu l-bibien tal-Forti Madliena għall-pubbliku li se jkun jista’ jara aktar mill-qrib ħidmet il-korp, jagħmel abseiling u jissieħeb bħala voluntier.