Lokali
Standard & Poor’s esprimiet fiduċja li l-ekonomija Maltija tirpilja sew matul is-sena d-dieħla

Ċertifikat tajjeb għall-prospetti ekonomiċi ta’ Malta mill-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poor’s, li kkonfermat il-credit rating ta’ A- bi prospetti stabbli għal Malta. Fl-analiżi tagħha, l-aġenzija internazzjonali qalet li wara li din is-sena l-pajjiż intlaqat minn riċessjoni, qed tbassar li l-ekonomija tal-pajjiż se jirnexxielha tqum fuq saqajha matul is-sena d-dieħla u ta’ wara.

L-Aġenzija Standard & Poors ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A- bi prospetti stabbli. Fl-evalwazzjoni tagħhom, l-ekonomisti ta’ din l-aġenzija esprimew fiduċja li l-ekonomija Maltija tirpilja sew matul is-sena d-dieħla, wara li din is-sena qed tiffaċċja riċessjoni bi tnaqqis ta’ 8% fil-prodott domestiku gross kawża tal-pandemija.

Fil-konklużjonijiet tagħhom l-aġenzija ta’ kreditu qalu li l-miżuri li ħa l-Gvern fl-eqqel tal-pandemija, is-surplus fil-finanzi tal-Gvern irreġistrati fl-aħħar snin, ir-rata tad-dejn meta mqabbla mal-prodott domestiku gross u l-pakkett finanzjarju maqbul mal-Unjoni Ewropea se jagħmluha aktar faċli biex l-ekonomija Maltija tqum fuq saqajha.

L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poor’s qalet li l-prospetti stabbli tal-andament ekonomiku ta’ pajjiżna jfisser li l-pandemija mhux se tikkaġuna ħsara strutturali u sinjifikanti fuq il-kreditu metriku ta’ Malta. L-esperti qed ibassru li fl-2021 u 2022, it-tkabbir ekonomiku ser ikun ta’ 5.5% waqt li nnutaw li l-Gvern Malti felaħ jiffinanzja l-pakkett għar-riġenerazzjoni ekonomika li introduċa għax kien naqqas ħafna d-dejn u akkumula tifdil qawwi. Mingħajr dawn il-miżuri ta’ emerġenza l-ekonomisti qalu li kienu jagħlqu ħafna negozji waqt li l-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta kien jonqos b’rata ferm aktar għolja u l-qgħad kien jiżdied b’rata aktar mgħaġġla. Ġie nnotat ukoll it-tnaqqis fid-dejn nazzjonali għal 43 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross fl-2019, li huwa taħt sew il-livell stipulat mill-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir tal-UE.

Dwar is-settur tat-turiżmu lokali, intqal li n-numri tas-sajf li għadda mistennija jirrtornaw fl-2022. Ir-rapport qal li f’Ġunju li għadda l-iljieli li t-turisti għamlu f’Malta naqsu b’96% meta mqabbel ma’ Ġunju tas-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis skont l-esperti ekonomiċi jista’ jnaqqas b’mod drastiku l-prezzijiet tal-proprjetà li kienu żdiedu sew fl-aħħar snin. Standard & Poors qalet li dan huwa riskju għoli wkoll għall-prestazzjoni tal-banek lokali li huma esposti għall-self fuq xiri ta’ proprjetà.

L-aġenzija qalet li Malta għandha sfida quddiema ta’ sorveljanza regolatorja tas-settur finanzjarju b’mod speċjali r-rapport tal-Moneyval iżda faħħret it-titjib fl-operat u ż-żieda fil-baġits tal-FIAU u l-MFSA. L-esperti faħħru wkoll ir-riforma fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.