MEUSAC
Staqsi lill-imġarrab: is-sigurtà fl-użu tal-kompjuters

Dawk li ġarrbu xi serqa minn darhom jew il-propjetà tagħhom jafu xi trawma jgħaddu minnha meta persuni jinvadulek il-privatezza ta’ darek u jħarbtulek l-iktar oġġetti għeżież għalik.

Is-serq illum m’għadux biss fiżiku. Mal-użu tal-kompjuters, daħlu prattiċi kriminali li jinvadu l-privatezza tal-individwi permezz tal-kompjuters. Dawn il-prattiċi, li jidħlu taħt il-kappa tal-hekk imsejħa ċiberkriminalità, jinkludu frodi, traffikar tal-pronografija tal-minuri, serq ta’ propjetà intellettwali jew ta’ identità, jew vjolazzjoni tal-privatezza.

Il-kobor ta’ din il-kriminalità joħroġ mill-fatt stess li l-internet u s-sistemi tal-kompjuters jistgħu jintużaw bħala theddida fuq skala kbira għal kumpaniji u negozji u saħansitra għal sistemi kumplessi ta’ awtoritajiet u gvernijiet. Għaldaqstant illum, il-gvernijiet qed idaħħlu sistemi ta’ difiża anki fejn tidħol it-teknoloġija.

L-Unjoni Ewropea trid tiżgura li s-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni jipprovdu s-sigurtà għal min jużahom u fl-istess ħin jilqgħu għal prattiċi li jheddu s-sigurtà u l-ekonomija fl-Istati Membri.

Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat sett ta’ regoli dwar iċ-ċibersigurtà, li jiċċertifikaw prodotti, servizzi u proċessi tal-informatika madwar l-Unjoni Ewropea. Permezz tat-tisħiħ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), kumpaniji li jagħmlu negozju fl-Unjoni Ewropea jkollhom garanzija li s-servizzi u l-prodotti tagħhom huma ċċertifikati madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Il-Kummissjoni għandha wkoll pjan ta’ azzjoni b’saħħtu f’każ li jseħħ inċident ċibernetiku jew kriżi fuq skala kbira. Hija tistabbilixxi mezzi ta’ koperazzjoni bejn l-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rispons għal inċidenti u kriżijiet ta’ dan it-tip.

Barra minn hekk, Malta ħarġet ukoll strateġija għaċ-Ċibersigurtà fl-2016. Cyber Security Malta twaqqfet biex tippromwovi kampanja nazzjonali dwar iċ-ċiberkriminalità li tnediet f’Ottubru tal-2018 bħala parti mill-ewwel strateġija nazzjonali taċ-Ċibersigurtà ta’ Malta. Skont l-aġenzija, 40% tan-negozji lokali jsofru attakki ċibernetiċi.

Agħfas hawn għal aktar infomazzjoni u statistiċi.

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Settur Marittimu

Il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-passiġġieri tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir qed tieħu miżuri favur l-ambjent biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ port ekoloġiku. Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella għar-rispett lejn id-dinjità tal-mara waqt quddiesa li fiha talab biex terġa’ tinfetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini, li qal l-eżempju ta’ ħajjitha u l-ħidma li…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet ir-rikors tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex ma jixhdux f’kawża kostituzzjonali iżda fi żmien jumejn iridu jippreżentaw s-silta minn fejn ikkwotaw ir-rapport tal-inkjesta Egrant…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Aktar