Stastika tindika li f’Malta persuna mistennija tgħix aktar snin

Statistika li ħarġet fuq livell Ewropew ftit tax-xhur ilu tindika li f’Malta, l-ammont ta’ snin li persuna hija mistennija tgħix qiegħed dejjem jiżdied. Fil-fatt meta nqabblu bejn is-sena 2000 u s-sena 2017 l-ammont ta’ snin li persuna mistennija tgħix żdied b’numru sostanzjali ta’ snin.

Wieħed irid jinnota wkoll li kemm jgħix snin il-Malti huwa aktar mill-medja tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropeja. Dan ifisser li l-istil ta’ ħajja f’pajjiżna u l-kura li noffru hija waħda adegwata. L-istess rapport juri x’inhuma l-fatturi ewlenin li jaffetwaw is-saħħa tal-Maltin. It-tipjip, ix-xorb eċċessiv u l-obeżità jibqgħu l-fatturi prinċipali. Fejn tidħol l-obeżità pajjiżna jiffaċċja sfida b’saħħitha hekk kif ġie indikat li terz tal-adoloxxenti għandhom problema ta’ obeżità, fil-fatt ir-rata reġistrata fir-rapport taqbeż sew il-medja Ewropeja.

L-istess rapport jagħti wkoll ħarsa dwar l-effiċjenza tal-qasam tas-saħħa. Fejn jidħlu mwiet li jistgħu ikunu evitabbli, għalhekk huma marbuta iktar ma’ prevenzjoni, pajjiżna jirreġistra fejqan ta’ 115-il persuna minn kull 100,000, filwaqt li f’każijiet ta’ mwiet kurabbli, n-numru jonqos għal 87. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet pajjiżna rreġistra numri inqas mill-medja Ewropea għalhekk wieħed għandu janalizza aħjar x’inhu jiġri kemm fil-qasam tal-prevenzjoni kif ukoll fil-kura offruta.

Tkellimna ma’ Dr. Paula Vassallo, Direttur tal-promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard li spjegat li bħala direttorat jagħmlu diversi kampanji biex jippromwovu l-prevenzjoni tal-mard. Fosthom insibu kampanji kontra t-tipjip u oħrajn favur l-iscreening. Hija spjegat li qegħdin joffru wkoll servizz u assistenza b’xejn lil min jixtieq jieqaf ipejjep jew jonqos mill-piż. Fil-fatt, grazzi għal din il-promozzjoni t-testijiet ta’ screening għall-marda tal-kanċer qegħdin dejjem iżidu fil-popolarità. Iktar persuni qed jersqu l-quddiem biex jagħmlu l-iscreening tests offruti b’xejn mill-Gvern. It-testijiet għall-kanċer tas-sider żdiedu għal 70%. Sfortunatament, għad hawn min jibża’ jagħmel dawn it-testijiet għaliex jibża’ mir-riżultat li jista’ joħroġ.

“Irridu nwasslu l-messaġġ li huwa importanti ħafna li kulħadd jaċċetta l-istedina biex jagħmlu dawn it-testijiet ta’ screening għaliex jgħinu biex tipprevjeni din il-marda kiefra”.