Knisja Maltija
Statwa ġdida tal-Beata Maria Adeodata Pisani fil-Monasteru tal-Benedittini fl-Imdina

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata tal-25 ta’ Frar tfakkar jum il-mewt tal-beata, fl-1855, fil-monasteru tal-Benedittini fl-Imdina.

Il-memorja ta’ din is-soru qed titfakkar bi statwa ġdida li għadha kemm ġiet imbierka u tpoġġiet f’niċċa fil-kappella tal-istess monasteru.

Il-Beata Maria Adeodata Pisani se tibqa’ mfakkra fil-Monasteru Benedittin fl-Imdina fejn għexet ħajja kkonsagrata lil Alla bi statwa xbieha tagħha li nħadmet għall-kappella tal-istess monasteru. Fin-niċċa mal-istatwa hemm bħala relikwa il-kranju u biċċa minn idejn il-beata.

Il-badessa tal-monasteru spjegat li l-aktar li jispikkaw f’ħajjet Maria Adeodata Pisani huma l-ħin li kienet tiddedika għat-talb u l-imħabba lejn il-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru.

“Kienet tirrinunċja l-ikel tagħha biex tagħtih lill-fqar li kienu jiġu jħabbtu l-bieb, però mhux materjalment kienet tgħin imma anke spiritwalment. Kienet tagħtihom xi kelma ta’ faraġ lil dawk li kienu jiġu jħabbtu l-bieb.  L-iktar ħaġa li tolqotni ħafna fiha hija li kienet ruħ ewkaristika, ruħ ta’ talb. Mhux l-ewwel darba li kienet tgħaddi lejl ta’ talb u s-sorijiet kienu jsibuha rieqda fejn l-altar filgħodu kmieni.”

L-istatwa l-ġdid tiġbor sew dawn il-kwalitajiet. L-artist Alfred Camilleri Cauchi spjega li mexa ħafna fuq id-dehra tal-beata kif magħrufa man-nies f’santa popolari tagħha: bi ktieb f’id u b’ħobża fl-oħra.

“Il-ħobż li kienet tagħmel il-karità hija wkoll, u l-brevjar, il-ktieb li kienu ngħidu aħna jitolbu matul il-lejl u l-ġurnata wkoll. Plus hekk ukoll għamiltha bil-pass jiġifieri ħa timxi – waħda mir-riġlejn qiegħda fuq in-naħa ta’ wara għax skont il-buzett li għamiltha, għamiltha fuq quddiem fhimt, u mbagħad taf inti tibdel l-ideat dejjem.”

Il-Kavallier Camilleri Cauchi spjega li s-salib li għandha bħalissa – għall-festa – hu l-oriġinal li kienet tilbes l-beata, għalkemm hu ħadem imitazzjoni tiegħu biex jitlibbes matul is-sena.

Assistit minn ibnu Aaron, l-istatwa ġiet skolpita fl-injam tal-kewba fi proċess li ħa madwar għaxar xhur sakemm ġiet irfinuta u ngħatat il-polikromija.

“Din hija t-tmien vara titulari li ħarġet mill-bottega tagħna. Sebgħa jinsabu fil-gżejjer Maltin u waħda ġewwa Londra.”

Il-kamra ta’ Maria Adeodata Pisani li għexet il-ħajja reliġjuża f’dan il-monasteru għal ħamsa u għoxrin sena sakemm mietet fl-eta’ ta’ 48 sena għadha intatta, u miżmuma b’ħafna għożża mill-erba’ sorijiet li bħalissa qed jgħixu klawsura fl-Imdina.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Diversi żoni f’Malta illejla intfew, bil-għan li nsalvaw l-enerġija. Din l-inizjattiva, li hija waħda favur l-ambjent, kienet mifruxa mad-dinja, u ingħatat l-isem ta’ Earth Hour. F’Malta saret mill-NGO Żibel, u…

COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

Aktar