Lokali
Stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fil-Furjana

Il-Gvern se jibni stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fil-Furjana b’investiment ta’ €3.4 miljun.

Ix-xogħol tal-infrastruttura fuq dan il-proġett mistenni jibda fl-2022 u huwa stmat li jitlesta lejn l-aħħar tal-2024.

Għal dan il-għan ġie ffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Projects Plus Limited.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Nfurzar tal-Liġi Byron Camilleri.

Il-proġett jikkonsisti fil-kostruzzjoni tal-istazzjon li għalih diġà hemm permess għall-ippjanar u li se jkun ukoll siżmiku.

L-istazzjon se jkun mgħammar b’vetturi apposta biex joffri servizz aħjar fiż-żona tal-Belt, il-Furjana u l-madwar.

Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett se jkun li jħares u jipproteġi l-patrimonju tal-UNESCO biex jekk ikun hemm xi nar fil-Belt Valletta, li huwa sit ta’ wirt dinji, dan jiġi trattat mill-ewwel.

L-irwol tal-entità Projects Plus se tkun li tmexxi l-proġett tal-kostruzzjoni u permezz tar-riżorsi tekniċi speċjalizzati tagħha se tkun qed tassisti fl-akkwist u tindirizza l-iżviluppi fid-dettalji arkitettoniċi, tal-inġinerija u tal-informatika.