Għawdex
Stedina biex il-pubbliku jara x-xini Feniċju fix-Xlendi

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-pubbliku għall-ewwel darba se jkollu ċ-ċans jesperjenza x-xini Feniċju li jinsab mgharraq l’barra mx-Xlendi permezz tat-teknoloġija tar-realtà virtwali. Sadanittant qed ikompli l-iskavi mill-arkeologi fuq dan is-sit meqjus ta’ importanza kbira.

Tgħoddhom fuq id waħda dawk li s’issa kellhom l-opportunità u l-permess li jgħumu fuq ir-relitt tax-xini Feniċju tax-Xlendi u madwaru…. ilkoll arkeologi jew għaddasa ta’ esperjenza u mħarrġa apposta, kemm minħabba l-importanza tas-sit kif ukoll minħabba l-fond li jinsab fih. Iżda issa grazzi għat-teknoloġija tar-realtà virtwali kulħadd se jkollu l-opportunità jesperjenzawh – anki dawk li ma jafux jgħumu.

Permezz ta’ stallazzjoni fil-pjazza tax-Xlendi, u bl-użu ta’ nuċċali apposta, il-pubbliku se jkollu ċ-ċans jogħdos virtwalment fuq is-sit u l-fdalijiet tax-xini inkluż il-gverta, l-anfori u fuħħar ieħor. L-opportunità se tingħata nhar il-Ġimgħa li ġej – lejliet festa.

Dettalji dwar dan kollu ingħataw hekk kif it-tim internazzjonali ta’ arkeologi u esperti – immexxi mill-Professur Timmy Gambin – żaru lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Ir-relitt instab fl-2007 u din hija s-sitt sena konsekuttiva li l-arkeologi qed jinżlu fuqu għal ġimgħa sħiħa ta’ studji, rkupri u analiżi.

Din kienet sejba uniku li qanqlet interess kbir fost l-istoriċi u anke fost il-pubbliku Malti. Sejba li kienet possibbli bil-ħidma tal-Università ta’ Malta u li nżammet mistura mill-baħar għal tant snin sempliċement għax tinsab f’fond ta’ aktar minn mitt metru.

Għall-arkeologi s-sejba kienet importanti għax tat ħafna tweġibiet filwaqt li qanqlet mistoqsijiet oħra. Għal Għawdex hija attrazzjoni oħra li turi li l-gżejjer Maltin kienu fuq ir-rotot kummerċjali ewlenin ta’ 2,700 sena ilu.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Hu stmat li kull sena jmutu żewġt irġiel b’dan il-kanċer. Stħarriġ li sar ix-xahar li għadda wera li tnejn minn…

Kronaka

Lejlet it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tnieda rapport imħejji minn Reporters Without Borders u The Shift News dwar ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ il-qtil, l-investigazzjoni li saret dwaru, ir-reazzjoni…

Immigrazzjoni

L-AFM għaddejja b’operazzjoni ta’ salvataġġ biex issalva 76 immigrant, fosthom 15-il mara li wħud minnhom qed iġorru tarbija, li jinsabu f’diffikultà bejn sema u ilma. Id-dgħajsa, li fuqha jinsabu l-immigranti,…

Kronaka

George Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab mill-ġdid għas-sospensjoni tal-proċeduri kontrih. L-avukat ta’ Degiorgio, Dr William Cuschieri talab lill-Prim Awla biex tissospendi l-proċeduri kontrih fil-Qorti…

Aktar