Lokali
Il-Qorti għadha ma ddeċidietx dwar it-talba tal-akkużati bil-qtil ta’ DCG

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tqies id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Vince Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio. L-avukati Difensuri qalu li bil-liġi, l-akkużati huma kunsidrati innoċenti sakemm jinstab ħatja u m’għandhomx ikunu trattati b’mod differenti minn każi oħrajn.

Il-prosekuzzjoni qed toġġezzjona għal ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel kemm minħabba l-gravità tal-każ kif ukoll għaliex qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-Qorti ttrattat it-talba tal-avukati difensuri għall-ħelsien mill-arrest ta’ Vince Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud qed topponi għall-ħelsien mill-arrest minħabba fost oħrajn li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

L-avukati William Cuschieri, Martin Fenech u Josette Sultana argumentaw li l-akkużati diġà ilhom arrestati mil-4 ta’ Diċembru. Sostnew li l-klijenti tagħhom huma innoċenti sakemm jinstabu ħatja u għalhekk għandhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Huma argumentaw li l-akkużati m’għandhomx jiġu trattati b’mod differenti minn oħrajn mixlija bi qtil.

Argumentaw li l-prosekuzzjoni waslet fl-aħħar li tressaq il-provi tagħha u għalhekk m’hemmx il-biża’ ta’ intraċċ tal-provi. Qalu li l-akkużati ma tawx problemi fil-ħabs u lanqas hemm biża’ li jaħarbu mill-pajjiż għax għandhom kemmm residenza kif ukoll il-familja f’Malta. Huma qalu kif fil-Qorti ma’ tressqux provi għajr dawk tat-teknoloġija li tindika fejn kienu l-mobiles tal-akkużati.

L-ispettur Arnaud irreaġixxa għal frażi li qal Dr Martin Fenech li qal li dan il-kaz gie minfuħ b’mod sproporzjonat. Argumenta li l-qtil ta’ persuna b’karozza bomba huwa krudili u li seta’ kellu konsegwenzi ferm ikbar għaliex setgħu nqatlu żewġ persuni oħra. L-ispettur Arnaud qal li hemm omiċidju u omiċidju u fost ir-raġunijiet għaliex m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest semma li f’każ bħal dan iwassal għal piena massima ta’ għomor il-ħabs. Huwa għamel referenza għall-fedina penali tal-akkużati. L-ispettur Arnaud qal li l-fatt li d-delitt seħħ minn oganizzazzjoni kriminali mhijiex immaġinarja imma fatwali għax hemm provi li twettaq minn tal-inqas minn tliet persuni.

Wara li semgħet lid-difiża u l-prosekuzzjoni, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li ser tagħti d-deċiżjoni tagħha aktar ‘il quddiem. Sadanittant l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat baqgħu miżmuma arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.