COVID-19
Stennija għal kits li mid-demm jivverifikaw jekk persuna kellhiex il-Covid-19

Id-dipartiment tas-saħħa qiegħed jistenna l-validazzjoni ta’ kits li mid-demm jivverifikaw jekk persuna kellhiex il-Covid-19, anke jekk qatt ma kellha sintomi.

Fil-programm Dissett, il-Virologu Dr Chris Barbara qal li l-kits diġà jinsabu Malta, u indika li dawn it-testijiet ġodda jkunu jistgħu jibdew isiru fi żmien qasir.

Minbarra t-testijiet għal COVID-19 permezz tal-iswabs, id-dipartiment tas-saħħa qiegħed jistenna l-verifiki neċessarji fuq test ġdid li jiddetermina jekk persuna kellhiex il-Coronavirus jew le. Dan it-test li jista’ jsir mid-dar permezz ta’ tingiża fis-swaba’, jagħti riżultat fi ftit minuti, u permezz tiegħu individwu jkun jista’ jsir jaf jekk għandux immunita għall-COVID-19.

Fil-programm Dissett, il-Virologu Dr Chris Barbara qal li b’dan it-test fuq kampjun tad-demm, iktar nies ikunu jistgħu jserrħu rashom jekk għandhomx l-immunità għall-virus.

“Dawn il-kits li konna qed nistennew waslu wkoll, pero mhux billi jasal il-kit, inti trid tivvalidah biex tkun ċert li dan qiegħed jaħdem tajjeb. Illum dawn l-antibody tests fis-suq mhumiex validati, bħal ma jkunu testijiet normali, għax dan għadu virus totalment ġdid.”

Dwar l-ittri li rċivew persuni b’kundizzjonijiet vulnerabbli għall-COVID-19, il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawn l-ittri jgħoddu għall-eżenzjoni mix-xogħol.

Mistoqsija għandux isir lockdown fil-weekend, il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jixtiqux iżidu l-miżuri jekk mhux għax ikunu meħtieġa.

“Jekk in-nies jisimgħu ma jkollniex għalfejn nagħmlu miżuri. Irridu niftakrtu li din mhijiex sitwazzjoni ta’ ġimgħa; dan huwa perjodu pjuttost twil. Nafu pajjiżi oħra kemm ilhom li bdew, allura aħna rridu noqgħodu attenti li kwalunkwe miżuri li qegħdin nieħdu, in-nies nagħtuhom iċ-ċans li jaddattaw ghalihom.

Mistoqsija mill-pubbliku dwar il-miżuri li għandhom jieħdu l-bejjiegħa tal-ikel, Dr Barbara qal li l-ħasil tal-idejn huwa iktar importanti mill-użu tal-ingwanti.

“Jekk inti ser tibqa’ bl-istess ingwanti il-ġurnata kollha, speċjalement taħseb li int protett u tmiss wiċċek, allura bħal tal maskra, iktar ta’ periklu għalik għax tgħid, liebes l-ingwanti, tmiss wiċċek u allura mill-ewwel ser tieħu l-infezzjoni. Iktar aħjar ma tużax ingwanti u tuża l-wipes u taħsel idejk.”

Dwar il-prodotti tal-ikel li jiġu ffrizżati, Dr Barbara qal li jekk dawn ikollhim il-virus, fil-friża jibqa’ vijabbli meta l-prodott jerġa’ jinħareġ mill-friża. Dr Barbara qal li l-prodotti tal-ikel għandhom jintmesħu b’diżinfettant qabel jidħlu fil-friża.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Inqas minn ġimgħa mill-budget addizzjonali li l-Gvern ser iressaq nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ltaqa’ mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex flimkien taw ħarsa lejn…

Lokali

SkolaSajf 2020 se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha fl-1 ta’ Lulju li ġej, jiġifieri kważi ħmistax-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ is-soltu. Fi stqarrija ntqal li dan hu possibbli wara diversi preparamenti li saru fl-aħħar xhur…

Annimali

Boton qtates ta’ sbatax tħalla abbandunat quddiem bieb ta’ santawarju tal-qtates f’Bormla. Il-Voluntiera tas-santwarju CSAF qalu li jħossuhom irrabjati li mhux biss għax dawn il-frieħ ġew mormija, iżda setgħu tgħaffġu…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna flimkien mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ltaqgħu mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-budget ta’ rkupru li se jitħabbar nhar it-Tnejn 8…

Aktar