Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Mistenni verdett pożittiv wara li Helena Dalli dehret quddiem il-PE

Sorsi qalu lil TVM li Helena Dalli kisbet l-appoġġ taż-żewġ terzi meħtieġa mill-kumitati rispettivi li kienu preżenti għas-smigħ tagħha quddiem il-Parlament Ewropew iktar kmieni llum, madankollu l-approvazzjoni uffiċjali tagħha ssir mal-kumplament tal-kulleġġ tal-Kummissarji nhar l-24 t’Ottubru fi Strasburgu.

Għal kważi tliet sigħat, Dr Dalli wieġbet il-mistoqsijiet tal-membri ta’ żewġ kumitati Parlamentari u għalkemm il-maġġoranza tad-domandi kienu fuq id-dekasteru li ġiet nominata għalih, ma naqsux ukoll xi mistoqsijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Panama Papers.

L-eks Ministru tal-Ugwaljanza, Helena Dalli, stqarret fil-Parlament Ewropej li twettaq l-inkarigu tagħha bħala Kummissarju għall-Ugwaljanza. Stqarret li qatt ma ħass li se jkollha l-opportunità li settur li ddedikat il-ħajja politika għalih se jkollha ċ-ċans tippreżentah quddiem il-Kumitati Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza tal-Ġeneru, u l-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

Hija semmiet tliet oqsma ewlenin li trid twettaq permezz ta’ ħidmietha: il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-inklużjoni u t-tisħiħ tan-nisa fis-soċjetà u l-promozzjoni tal-ugwaljanza. Qalet li fl-ewwel tliet xhur trid twaqqaf taskforce dwar l-ugwaljanza. Żiedet li se tagħmel strateġija dwar il-ġeneru. Dr Dalli qalet li fl-ewwel mitt jum se taħdem fuq proposta dwar it-trasparenza fil-pagi biex tindirizza d-diskrepanza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel.

Dr Dalli qalet li hemm diversi proposti leġiżlattivi li għadhom ma twettqux, fosthom id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni u s-sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-vjolenza fuq in-nisa.

Fl-ewwel mistoqsija, Frances Fitzgerald mill-Partit Popolari Ewropew, qajmet tħassib dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u n-nuqqas ta’ azzjoni dwar l-involviment ta’ membri tal-Gvern li ssemmew fil-Panama Papers. Dr Dalli semmiet il-ħidma tal-Gvern fil-każ tal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, filwaqt li qalet li dwar il-Panama Papers kienet taħdem b’mod ieħor.

“Extraordinary events require extraordinary measures… Regarding the Panama Papers, I would have done things differently,” qalet Dr Dalli.

Dwar diversi temi relatati mal-ugwaljanza, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u d-drittijiet għall-persuni b’diżabbiltà, Dr Dalli qalet li se tiġġieled għal aktar drittijiet sesswali u riproduttivi, li hi kommessa li tiġġieled kontra l-isterjotipi u favur aktar miżuri għall-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja. Dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul, li għadha taffaċċja reżistenza minn uħud mill-istati membri, Dr Dalli qalet li lesta ddur l-ibliet kapitali biex tara x’inhuma l-oġġezzjonijiet tagħhom. Tkellmet ukoll dwar id-diskrepanza fil-pagi, u fost oħrajn intrabtet li tinvolvi lill-imsieħba soċjali dwar kif din għandha tkun indirizzata.

Staqsew ukoll l-MEPs Maltin David Casa u Alex Agius Saliba. It-tnejn staqsew dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u x’se tagħmel biex direttiva dwar dan tiġi implimentata mill-istati membri. Is-Sur Casa staqsa wkoll dwar is-saltna tad-dritt u l-każ tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, li ssemmew fil-Panama Papers, u kif Dr Dalli se tiżgura li ma jkunx hemm dik li sejjaħ liġi għall-allat u liġi għall-annimali. Dr Dalli semmiet miżuri ta’ governanza tajba li hija ħadmet għalihom matul is-snin, fosthom it-tneħħija tal-preskizzjoni għall-politiċi.

Dr Agius Saliba staqsa dwar l-inklużjoni ta’ politika favur persuni b’diżabbiltà fl-oqsma kollha Ewropej. Dr Dalli qalet li l-ewwel se ssir evalwazzjoni tal-istrateġija li tkopri bejn l-2010 u s-sena id-dieħla, u li din għandha tiggwida t-triq ‘il quddiem għal miżuri oħra li jistgħu jkunu meħtieġa.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Helena Dalli evalwata fi Brussell bħala Kummissarju nominat

Aħbarijiet Oħra
Settur Marittimu

Il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-passiġġieri tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir qed tieħu miżuri favur l-ambjent biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ port ekoloġiku. Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J. Scicluna appella għar-rispett lejn id-dinjità tal-mara waqt quddiesa li fiha talab biex terġa’ tinfetaħ il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini, li qal l-eżempju ta’ ħajjitha u l-ħidma li…

Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet ir-rikors tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex ma jixhdux f’kawża kostituzzjonali iżda fi żmien jumejn iridu jippreżentaw s-silta minn fejn ikkwotaw ir-rapport tal-inkjesta Egrant…

Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Aktar