Politika
Stennija għar-reazzjoni tal-Kummissjoni Venezja għall-proposti tal-Gvern Malti

Il-Kummissjoni Venezja, sa nofs ix-xahar id-dieħel, mistennija tagħti r-reazzjoni tagħha għall-proposti tal-Gvern dwar r-riformi għat-tisħiħ tad-demokrazija.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna l-impenn tal-Gvern li ssir Konvenzjoni Kostituzzjonali, filwaqt li l-kelliem tal-Oppożizzjoni, Chris Said, iddikjara li l-Oppożizzjoni mhix ser taċċetta li jingħataw poteri eżekuttivi lill-President jekk dan jibqa’ jinhatar b’maġġoranza sempliċi.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba, Edward Zammit Lewis, qal wara li l-Gvern għadda l-proposti għar-riformi għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija lill-Kummissjoni Venezia, il-Kummissjoni stess bdiet konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet dwar il-proposti tal-gvern.

“Għamluha mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, għamluha mal-Kap tal-Oppożizzjoni, mas-soċjetà ċivili, mal-President ta’ Malta. Dawn huma n-nies kollha li jistgħu jagħtu kontribut.”

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-kummissjoni ser tagħti r-reazzjoni tagħha sa nofs ix-xahar id-dieħel. Huwa żied jgħid li l-Gvern ikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar diversi oqsma, li jvarjaw mill-poteri tal-President sal-ġudikatura.

Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni, Dr Chris Said, qal li l-Oppożizzjoni ma ġietx konsultata fuq it-temi kollha. “Kien biss fuq il-ħatra tal-ġudikatura. Fuq l-aspetti l-oħra u hemm ħafna aspetti oħra ma konniex għadna bdejna niddiskutuhom, u hemm diverġenzi fuqhom. Il-Gvern iddeċieda li għal xi raġuni issa jagħġġel.”

Dr Said għamilha ċara li mhix aċċettabbli għall-oppożizzjoni li jingħataw poteri ġodda lill-President jekk ma jkunx hemm qbil li minn issa ’l quddiem, il-President jinħtar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-kamra tad-deputati.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern lest ikompli jtejjeb fuq il-proposti tiegħu, iżda saħaq li dawn iridu jsiru mingħajr telf ta’ żmien. “Il-brief tal-Prim Ministru lejja huwa ċar, illi mmexxi dawn ir-rifromi kemm jista’ jkun malajr.

Fil-programm intervjena Dr Franco Debono, li qal li l-proposti tal-gvern huma kuraġġjuzi u saħaq li l-gvern għandu jkun kawt qabel jitlaq ċerti poteri. “Ma ninsewx is-sistema tagħna hija Prime Ministerial Government, il-Prim Ministru għandu s-saħħa li għandu għax elett mill-poplu. Mela mhux b’dik l-iskuża nieħdu l-poter minn min hu elett u ntuħ lil min mhux elett.”

L-Avukat Austin Bencini, li jispeċjalizza fil-liġi kostituzzjonali, appella għall-inklużjoni tal-veduti tal-poplu u mhux biss tal-istituzzjonijiet. “F’konvenzjoni kostituzzjonali l-pajjiż kollu, individwi, NGOs, il-korpi kostitwiti, l-għaqdiet reliġjużi, kulħadd jista’ jidħol f’dibattitu u jagħmel il-proposti.”

Il-Ministru Zammit Lewis qal li minkejja l-pandemija tellfet xi ftit il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika, iżda saħaq fuq l-impenn favur il-konvenzjoni kostituzzjonali. “Il-Gvern jagħti l-commitment sħiħ li ssir u jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa mas-soċjetà ċivili u ma kull individwu li hawn f’Malta u Għawdex.”

Minħabba li l-Kummissjoni Venezia tesprimi l-veduti tagħha biss b’kommunikazzjoni uffiċjali, il-veduti tagħha jkunu magħrufa meta tippubblika l-opinjoni tagħha madwar ġimgħatejn oħra.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Gudja tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu, akkużat li lbieraħ waqt li kien fi stabbiliment fil-limiti tar-Rabat, ikkaġuna ġrieħi gravi lil Nathan Luke Borg, li kissirlu n-nuċċali u…

Infrastruttura

Infrastructure Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jipproduċu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project wara…

Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Aktar