Stennija għar-ritratti uffiċjali tal-kontestanti ta’ Miss Malta

F’dawn il-jiem, it-tim ta’ Miss Malta qed ixammar il-kmiem fuq żewġ proġetti ġodda. Wieħed minnhom jinvolvi lill-aħħar rebbieħa ta’ Miss Malta, Hannah Giacchino filwaqt li t-tieni proġett għandu x’jaqsam mas-60 kontestanta ta’ Miss Malta ta’ din is-sena.

F’kummenti lil tvm.com.mt id-diretturi ta’ Miss Malta, Kersten Borg u Jeanette Bezzina qalu li s-Sinjura Giacchino bħalissa qed tagħti s-sapport tagħha b’rabta ma’ Pink October, ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider. Xhieda ta’ dan, huwa ritratt li ttella’ fuq il-paġna ta’ Miss Malta bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza f’dan ir-rigward.

Mistoqsija fuq it-tieni proġett, fi ftit kliem, id-diretturi ta’ Miss Malta spjegaw li nhar il-Ħadd is-60 kontestanta ta’ Miss Malta għal din is-sena mistennija jieħdu r-ritratti uffiċjali tal-konkors. Bit-tema tas-sessjoni fotografika, mistennija tkun imħabbra minn ħin għall-ieħor.