Saħħa
Steward Health Care Malta jtejjeb is-servizz tal-air ambulance bejn Malta u Għawdex

Steward Health Care Malta jtejjeb is-servizz tal-air ambulance bejn Malta u Għawdex b’ħelikopter modern li se jissostitwixxi dak li qed jintuża bħalissa. Barra minn hekk il-kumpanija se tintroduċi wkoll it-tieni ħelicopter ta’ riżerva.

Il-ħelikopter modern li se jibda jintuża bħala air-ambulance huwa tat-tip Airbus Helicopter EC135, li huwa t-tip ta’ ħelikopter li tintuża l-aktar madwar id-dinja kollha biex iġorr lill-pazjenti minn post għall-ieħor bl-ajru.

L-EC135 jiflaħ piż ta’ 2,800kg; pazjent fuq stretcher u sa tliet persuni tal-ekwipaġġ mediku.

Fi kliem il-President ta’ Steward Health Care Malta, Dr Nadine Delicata, il-kumpanija diġà għamlet pass ta’ ġgant f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport ta’ pazjenti li qabel kien isir biss bl-għajnuna tal-AFM u tim mediku li kien jitlaq mill-helipad fl-Isptar San Luqa. Hija qalet li  dawn il-ħelikopters jinsabu stazzjonati f’Għawdex b’tim mediku dejjem lest biex jaqdi lill-pazjenti tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan l-investiment jiffranka madwar 60 minuta mill-ħin prezzjuż f’każ ta’ emerġenza.

Dan is-servizz mistenni jitnieda fi Frar li ġej u se jsir bl-għajnuna konġunta ta’ Gulf Med Aviation Services, operatur tal-ħelikopters Malti u foritur tal-manutenzjoni.