Lokali
Steward Health Care tiffinalizza s-sħubija mal-Gvern dwar it-3 sptarijiet

Il-Gvern Malti kkonferma li Steward Health Care System iffinalizzat il-ftehim sabiex tieħu f’idejha l-konċessjoni sabiex topera t-tliet sptarijiet fil-gżejjer Maltin. Fi stqarrija l-Gvern laqa’ dan l-iżvilupp u qal li se jibqa’ komess biex jassigura li jiġu osservati l-obligazzjonijiet kollha mniżżla fil-ftehim li qal għandu jassigura t-tlestija ta’ faċilitajiet mill-aqwa fl-isptar ġenerali t’Għawdex, fl-isptar San Luqa u fl-isptar Karin Grech kif ukoll it-twaqqif tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex.

Dan il-ftehim mal-akbar operatur fil-qasam tas-saħħa fl-Istati Uniti, tkompli l-istqarrija tal-Gvern, jikkonferma l-pjani tal-Gvern Malti sabiex jikkonsolida u jtejjeb il-kura tas-saħħa b’xejn lill-pazjenti kollha filwaqt li jħares id-drittijiet tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’Malta u f’Għawdex.

Kien kmieni filgħodu li fi stqarrija, Steward Health Care ħabbret li saret sieħeb tas-settur tas-saħħa pubblika ta’ Malta u se tkun qed taħdem mal-iskola medika ta’ Barts biex tiftaħ skola medika f’Għawdex. Stewart qalet li ffinalizzat il-ftehim ta’ sħubija bejn il-gvern u l-privat, biex toffri kura tas-saħħa lill-poplu ta’ Malta.

Iċ-chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare Ralph de la Torre, qal li l-kumpanija qed tħares ‘l quddiem sabiex timplimenta dan il-mudell ġdid ta’ kura eċċezzjonali f’Malta. Qal li se tinvesti fil-faċilitajiet mediċi sabiex titrasformahom fi sptarijiet state-of-the-art, filwaqt li tassigura li l-poplu Malti jgħix ħajja attiva u b’saħħitha.

L-istqarrija tkompli tgħid li Steward Health Care trasformat il-kura tas-saħħa fl-Istati Uniti u llum tmexxi 36 sptar f’għaxar stati. Il-kumpanija timpjega mal-40,000 professjonist fil-qasam tas-saħħa u spiss tirċievi rikonoxximenti għall-kwalità u s-sigurtà.

L-istqarrija ta’ Steward Health Care tikwota lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat jgħid, li Steward għandha l-istess viżjoni għall-futur tal-kura tas-saħħa f’Malta. Qal li l-Gvern Malti jrid itejjeb is-servizzi tas-saħħa fil-gżejjer Maltin għal ogħla livell. Qal li Steward huwa s-sieħeb ideali għat-titjib fl-infrastruttura meħtieġa tal-isptarijiet filwaqt li joffri l-aqwa servizzi mediċi lill-pazjenti. Bis-sħubija bejn Steward u l-Gvern Malti, Steward se tibni u tmexxi wkoll il-faċilitajiet fuq il-kampus ta’ Barts u l-iskola tal-mediċina u d-dentistrija ta’ Londa filwaqt li toffri faċilitajiet għat-tagħlim lill-istudenti tal-mediċina.

L-għada li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża biex il-Gvern jieħu lura t-tliet sptarijiet, il-Kelliema Nazzjonalisti għall-Ambjent u għas-Saħħa mentali Jason Azzopardi u Mario Galea, tennew li Vitals m’onorawx l-obbligi tal-kuntratt għax baqgħu ma wettqux l-obbligi tagħhom minkejja li l-Gvern tahom 50 miljun. Staqsew f’but minn marru dawn il-flus, li huma daqskemm il-Gvern nefaq biex inbena l-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Huma qalu li l-Vitals akkumulaw 55 miljun ewro dejn u ma ħallsux lill-ħaddiema tagħhom. Żiedu jgħidu li l-VGH kienu obbligati li ma jittrasferixxux il-kuntratt qabel tliet snin u wara li jkun wettqu l-‘milestones’ li kienu marbuta li jagħmlu. Il-kelliema qalu li anke l-Viċi Prim Ministru ammetta li l-ftehim ma’ Steward Health Care huwa r-‘real deal’ u allura qalu li dan ifisser li l-kuntratt li għamel il-Ministru Konrad Mizzi ma’ Vitals huwa ftehim ħażin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

B’digriet ta’ Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Knisja Parrokkjali Matriċi ta’ Stella Maris ġiet mgħollija għad-dinijtà ta’ Knisja Arċipretali. Hekk, il-kappillan tal-Parroċċa, fil-preżent Mons. Anton Portelli, jkollu wkoll it-titlu ta’…

Lokali

Xena mill-isbaħ tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini kif probabbli qatt ma rajtha. Dan ir-ritratt, li ttieħed mill-astronomu Joseph Caruana, jagħtina ħjiel tal-ġmiel naturali li kienu jgawdu missirijietna, u li llum sfortunatament…

Lokali

Fl-1 ta’ Lulju, fil-pjazza ewlenija tal-Qala, l-Għaqda Briju San Ġużepp b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex se jorganizza l-‘Festa Għawdxija’. Dan l-avveniment se jsir proprju meta l-istaġun tal-festi f’pajjiżna jkun fl-aqwa tiegħu….

Lokali

Raġel mgħammad u armat b’sikkina seraq €100 flus kontanti minn ħanut tal-merċa f’Ħal Tarxien. Il-każ seħħ fi Triq Karlu Maratta għall-ħabta tan-nofsiegħa. Ir-raġel talab lill-kaxxiera biex tagħtih il-flus kollha, kif…

Aktar