Ekonomija u Finanzi
Stħarriġ: F’Malta għad hawn ħafna flus kontanti fl-idejn

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Azzjonisti Żgħar li tirrappreżenta investituri li għandhom titoli fil-Borża ta’ Malta, għall-ewwel darba għandha idea iktar ċara ta’ x’jistennew l-investituri żgħar Maltin mill-flus li jkunu faddlu u investew.

Minn stħarriġ li għamlet fost dawn l-investituri, ħareġ li l-aktar ħaġa importanti għall-maġġoranza tal-investituri hu s-sigurtà tal-flus li jkunu ġemmgħu bl-għaraq ta’ ġbinhom. Ir-riżultati tal-istħarriġ ġew preżentati fil-Borża ta’ Malta, fejn ħareġ ukoll li l-maġġoranza li wieġbu l-istħarriġ huma anzjani u li f’Malta għad hawn ħafna flus kontanti fl-idejn.

Ħafna mill-Maltin ifittxu l-ewwel is-sigurtà tal-flushom, qabel ma jħarsu lejn il-qligħ li jistgħu jagħmlu meta jinvestuhom fi prodotti finanzjarji. Dan ħareġ minn stħarriġ li l-Assoċjazzjoni tal-Azzjonisti Żgħar, għamlet fost 350 investitur.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Alfred Portelli spjega li aktar min-nofs l-investituri qalu li jinvestu għal meta jirtiraw, u terz jinvestu għal li jista’ jinqala’. 83% minnhom jagħżlu li jpoġġu flushom f’titoli lokali bl-aktar popolari huma l-kontijiet bankarji, il-bonds tal-Gvern u l-bonds tal-kumpaniji. Irrimarka li l-maġġoranza tal-Maltin huma investituri konservattivi għaliex iżommu l-bonds sakemm jimmaturaw u ftit huma li jinnegozjaw il-bonds tagħhom fil-borza.

Is-Sur Portelli stqarr li l-istħarriġ sar biex jitkattar il-litteriżmu finanzjarju fost l-azzjonisti żgħar.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Azzjonisti Żgħar, Alfred Portelli qal ”sabiex iservi tal-ewwel passi peress li huwa l-ikbar survey li qatt sar f’pajjiżna biex insibu iktar toroq sabiex l-investituri jitgħallmu biex jinvestu aħjar.”

Madankollu jidher li l-maġġoranza tal-Maltin ifittxu parir mingħand il-Banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u brokers. Mill-istħarriġ joħroġ li l-maġġoranza tal-investituri għandhom ‘il fuq minn 65 sena. Sbatax fil-mija tal-investituri li ħadu sehem fl-istħarriġ għandhom aktar minn mitt elf ewro fi flus kontanti x’jinvestu.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-flus kontanti fl-idejn f’Malta jaqbżu kull pajjiż ieħor. Huwa ħeġġeġ biex jonqos l-użu tal-flus kontanti.

Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna qal “il-flus huma ħafna ineffiċjenti. Ħafna pajjiżi diġà telgħu ‘l fuq mhux biss bl-użu taċ-cheques u credit cards, li anke issa qed jispiċċaw ukoll u għalhekk hija ironija li qed nitkellmu fuq il-cryptocurrencies pero’ għandna challenges biex inaqqsu l-użu tal-cash li ma jagħmilx ġid lil pajjiżna.”

Il-Ministru Scicluna żied li għad jiġi żmien meta l-investitur ikollu aktar fiducja fil-prodotti finanzjarji għax permezz tal-blockchain il-kumpaniji jistgħu jkunu aktar trasparenti b’sistema ta’ awditjar li ssir kuljum.

Aħbarijiet Oħra
Temp

L-uffiċċju meterjoloġiku qed ibassar riħ qawwi. Ir-riħ mix-Xlokk Lvant ser ikun qawwi għal qawwi ħafna fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sad-disgħa ta’ għada filgħodu u…

Saħħa

Mistenni jibda x-xahar id-dieħel ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u tħammil għat-tieni dar residenzjali għal persuni bil-marda newroloġika tal-ALS. Il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, mistenni jiswa sitt miljun Ewro. Ma’ TVM, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta,…

Stejjer Umani

L-imħabba hi minsuġa fil-karattru ta’ William Saliba. L-altruwiżmu tiegħu jispikka ma’ pazjenti b’mard fil-kliewi. Għamel l-isfida tal-Lifecyle tnax-il darba…iżda fuq kollox kien bħas-Samaritan it-Tajjeb, b’ġest ma’ raġel ieħor meta tah…

Aktar