Negozju
Stħarriġ: Il-maġġoranza tas-sidien tan-negozji jirreżistu li jkeċċu l-ħaddiema

Hekk kif Malta bdiet is-seba’ ġimgħa mindu feġġ l-ewwel każ tal-Coronavirus u beda l-istaġnar ekonomiku, l-maġġoranza assoluta tas-sidien tan-negozji għadhom jirreżistu li jkeċċu l-ħaddiema iżda jinsabu nkwetati li ma jistgħu jippjanaw għax ma jafux kemm fadlilna f’din is-sitwazzjoni.

Stħarriġ online li għamlet l-Malta Chamber of SMEs fost 360 sid ta’ negozju żgħir u medju fl-aħħar ġimgħatejn sab li 12 fil-mija minnhom qalu li bdew ikeċċu l-ħaddiema waqt li 22 fil-mija kitbu lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-xogħol biex jiksbu permess ibiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.

Fil-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ intqal sebgħa minn kull għaxar sidien ta’ negozji qalu li kellhom jagħlqu minħabba r-restrizzjonijiet li ddaħlu filwaqt li 10% baqgħu għaddejjin b’mod normali.

Skont l-istħarriġ, il-pagi huma l-ikbar uġigħ ta’ ras għas-sidien tan-negozji, b’ħafna minnhom jgħidu li l-wage supplement tal-Gvern mhix biżżejjed jew jilmentaw li ma jikkwalifikawx għal massimu ta’ €800 fix-xahar.

Il-President tal-Malta Chamber of SMEs, Paul Abela fost oħrajn ħeġġeġ lin-negozji biex japplikaw mal-banek kummerċjali għall-iskema ta’ €800 miljun f’garanziji fuq is-self. Żied jgħid li kif tgħaddi l-pandemija, se jinsistu mal-Gvern biex il-Malta Enterprise toħroġ inċentivi ġodda biex in-negozji jerġgħu jqumu fuq saqajhom.

Minbarra l-pagi, kwistjonijiet oħra li qed iħassbu lin-negozji huma relatati ma’ kif se jirċievu l-ħlasijiet u li ma jifilħux iħallsu l-kirjiet. Uħud mis-sidien ipproponew li aktar setturi jkunu intitolati għal wage supplement scheme, sospensjoni jew tnaqqis fil-ħlasijiet tal-kirjiet, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-liċenzji tal-awtoritajeit u l-liċenzji tal-vetturi kummerċjali.