Stħarriġ juri li ‘l fuq minn 30% ma jafux li teżisti klinika għall-mard trasmess mis-sess f’Mater Dei

‘Popolin’ iddiskuta s-sess u l-edukazzjoni tiegħu f’kuntest nazzjonali. Tkellimna ma’ Dr. Jean Calleja Agius, ġinekologu biex nifhmu aħjar l-aspett mediku ta’ dan is-suġġett.

Dr. Calleja Agius spjegat li kull ħames snin isir studju Ewropew bl-isem ta’ ‘European Health Survey’ li jieħu kampjun ta’ erbat elef persuna minn Malta, mill-età ta’ ħmistax-il sena l-fuq. F’dan l-istħarriġ fost ħafna mistoqsijiet magħmula tiġi mistoqsija wkoll informazzjoni rigward is-saħħa u l-imġieba sesswali tal-persuna. L-aħħar informazzjoni pubblikata li nħarġet minn dan is-survey hija dik tal-2015 fejn ġie indikat li 2% tal-individwi li kienu parti mill-istħarriġ kellhom marda trażmessa mis-sess (STD). L-istess riċerka turi li 30% ma kienux jafu li teżisti klinika ġenitourinarja b’xejn fl-isptar Mater Dei, dan minkejja l-promozzjoni u l-edukazzjoni li ssir f’dan ir-rigward. Dr. Calleja Agius spjegat li din il-klinika tittratta individwi li għandhom suspett ta’ STD jew ġew f’kuntatt ma’ xi ħadd li kellu STD.  Mistoqsija mill-preżentatur jekk teżistix il-possibilità li l-promozzjoni u l-edukazzjoni li qed issir mhux biżżejjed, il-ġinekologu Calleja Agius qalet li fil-qasam tal-edukazzjoni u s-servizzi ta’ tagħlim sar avvanz u progress enormi, żdied ukoll l-aċċess għall-informazzjoni biss sfortunatament għadu jidher li l-edukazzjoni eżistenti mhijiex biżżejjed. Hija qalet li fl-opinjoni tagħha għad m’hawnx biżżejjed responsabbiltà għaliex ħafna huma dawk li jaħsbu li l-konsegwenzi tas-sess bla protezzjoni mhux se jiġru lilhom. Kull tip ta’mard trażmess mis-sess qed isir iktar komuni f’pajjiżna, fil-fatt f’dawn l-aħħar ħames snin ġew rapportati 320 każ ta’ HIV f’Malta. Biss it-tabiba spjegat li waħda mill-iktar mard inkwetanti hija l-Chlamydia għaliex ma turi l-ebda sintomi.  Dr. Calleja Agius spjegat li ma tarax xi bidla fid-demografika tal-persuni li jiġu infettati b’mard li jiġi trażmess mis-sess. Żiedet tgħid li min-naħa ta’ politika sar u qiegħed isir ħafna xogħol.