Politika
Stħarriġ juri li l-PL żied il-vantaġġ għal 15% fuq il-PN – 4% aktar mill-elezzjoni tal-2017

Stħarriġ tal-MISCO għall-Aġenzija CD eNEWS li sar bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju wera li kieku kellha ssir elezzjoni għada, 56.5% ddikjaraw li jivvutaw għall-Partit Laburista, filwaqt li 41.5% qalu li jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista. Dan ifisser li d-distakk bejn iż-żewġ partiti żdied minn 11% għal 15% mill-elezzjoni tal-2017.

L-istess stħarriġ wera li Robert Abela għandu vantaġġ ta’ 45% fuq Adrian Delia bħala l-persuna li l-votanti Maltin jaħsbu li għandha tkun il-Prim Ministru ta’ Malta. Għall-mistoqsija min hu l-aktar Prim Ministru adattat għal Malta, 56% semmew lil Robert Abela filwaqt li 11% semmew lil Adrian Delia. 33% ta’ dawk li rrispondew ma tawx preferenza.

Fost il-punti ewlenin li ħarġu minn dan l-istħarriġ hemm li l-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ta’ 29% fuq il-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-kwistjoni marbuta ma’ liema partit jaħdem l-aħjar biex jirrisolvi kwistjonijiet nazzjonali.

Mill-istħarriġ ħareġ li l-pandemija tal-Covid-19 tibqa’ l-aktar kwistjoni nazzjonali li tqajjem tħassib. Kienu 36% li wieġbu li semmew il-Covid-19 bħala l-aktar kwistjoni li tħassibhom l-aktar fost in-nisa u dawk li għandhom inqas minn 44 sena.

15% qalu li tħassibhom l-aktar il-korruzzjoni, 12% l-immigrazzjoni u 8% l-ekonomija.

Ħareġ ukoll li l-miżuri restrittivi tal-Covid-19, il-qgħad u l-problemi finanzjarji personali jinsabu fil-quċċata tat-tħassib personali tan-nies.

L-istħarriġ sar fost kampjun każwali ta’ 400 persuna. L-intervisti twettqu bit-telefon minn persuni mħarrġa taħt is-superviżjoni tal-koordinaturi tal-MISCO.