Xogħol
Stħarriġ: Mat-80% tal-kumpaniji f’Malta ma ssensjawx ħaddiema fis-sajf

81% tal-kumpaniji li ħadu sehem fl-aħħar stħarriġ tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, qalu li ġarrbu telf fin-negozju tagħhom bejn Ġunju u Awwissu meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel – minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Mill-istħarriġ tal-MEA ħareġ ukoll li 81% tal-kumpaniji ma ssensjawx ħaddiema. Fl-istħarriġ ħadu sehem 237 kumpanija fis-settur privat, li bejniethom jimpjegaw mal-erbgħin elf persuna.

Id-direttur ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia qal li għal kważi nofs il-kumpaniji li ħadu sehem fl-istħarriġ, l-aħħar tliet xhur kienu aħjar minn ta’ qabilhom, waqt li 36% baqgħu fl-istess ilma. Qal li kważi tliet kwarti tal-kumpaniji antiċipaw iż-żieda fil-każi tas-sajf, li qalu se jkollha impatt fuq it-tbassir għan-negozju tagħhom fl-aħħar xhur tas-sena. Kważi l-kumpaniji kollha – 96% – huma tal-fehma li t-tieni mewġa setgħet tiġi evitata.

F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, mill-istudju li sar mill-MEA ħareġ li 81% wieġbu li ma kellhomx inaqqsu l-ħaddiema, bis-Sur Farrugia jgħid li dan huwa rifless fl-istatistika tal-qgħad. Qal li aktar min-nofs il-kumpaniji qed jibbenefikaw mis-suppliment tal-pagi, b’44% qed jantiċipaw li s-sena d-dieħla se jiddependu minn għajnuna mill-gvern.

Aktar min-nofs il-kumpaniji li qed jagħmlu użu mit-teleworking, qalu li s-sistema ħadmet u ma affetwatx il-prodittività. Kwart qalu li kienu inqas produttivi. 38% tal-kumpaniji qalu li jekk ma jiftħux l-iskejjel se jkollhom impatt kbir fuqhom. Skont il-maġġoranza tal-kumpaniji hemm bżonn aktar minn sena biex jirkupraw għal li kienu qabel il-COVID.

Il-kumpaniji jinsabu l-aktar inkwetati bis-sens ta’ instabbilità u inċertezza; in-nuqqas ta’ motivazzjoni fost l-impjegati; ħaddiema li qed jibżgħu jerġgħu lura għax-xogħol; diffikultà biex iħallsu s-salarji u diffikultà biex jimlew il-postijiet battala minn ħaddiema barranin.

Aħbarijiet Oħra

Il-kantanta Ruth Portelli il-ġimgħa li għaddiet kienet ir-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta ‘Kuruni’, fuq kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas. Fi kliem Paul Ellul, ‘il-kanzunetta titratta dwar…

Ġew irriġenerati 10 blokok ta’ appartamenti fl-oqsma tad-djar f’Ħaż-Żabbar b’investiment ta’ €700,000 li minnu gawdew 110 familji. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-binjiet ġew miżbugħa b’kuluri differenti biex…

L-ammont ta’ persuni li mietu bil-Covid-19 fl-Istati Uniti, qabeż il-200,000. Skont is-sit li jżomm id-data dwar l-imxija tal-coronavirus fid-dinja, Johns Hopkins University, aktar minn 6.8 miljun ruħ huma magħrufa li…

Raġel ta’ 84 sena miet waqt li kien pożittiv bil-Covid-19. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-anzjan kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-18 ta’ Settembru. Huwa ddaħħal l-IDU fl-Isptar Mater Dei dakinhar stess…

Aktar