Sbuħija
Stilista tax-xagħar jgħin anzjani jħossuhom aħjar

Residenti f’dar tal-anzjani privata jkunu fuq ix-xwiek jistennew il-jum tat-Tnejn għax ikunu qed jistennew li jqattgħu ftit ħin itejbu d-dehra tagħhom.

Kemm minħabba l-pandemija u anke jekk ma jistgħux joħorġu mid-dar, l-anzjani jkunu qed jistennew lil Clyde għall-appuntament ta’ xagħarhom.

Krew ta’ TVM żar dar tal-anzjani li bħal-lum tieħu xejra differenti bi ħsejjes tal-imqassijiet u l-‘hair-dryers’.

Bħallum tkun ġurnata speċjali għall-anzjani li jgħixu f’dar tal-anzjani privata minħabba li jkunu qed jistennew bil-ħerqa lill-istilista tax-xagħar Clyde.

Hu mhux biss ibiddlilhom l-istil ta’ xagħrhom izda jbiddlilhom ukoll il-burdata.

“U għax qed nikrieh, ux, qed nixjieħ, xagħri bajda. Mhux kulħadd irid ikun sabiħ, imma bil-‘make up’ iqajjmek naqra sabiħa hux!””, qaltilna waħda mir-residenti.

L-anzjani f’din id-dar jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jieħdu ħsieb lilhom infushom u għalhekk l-appuntament mal-istilista tax-xagħar ma jitilfuhx.

Qalulna kemm huma grati lejn Clyde talli jgħinhom jidhru u jħossuhom ahjar.

“Biex nirranġaw naqra, biex nidhru naqra sbieħ, sewwa sewwa qegħdin nixjieħu, kullimkien jitkemmex”.

Dan l-entużjazmu u sodisfazzjon iħossu wkoll Clyde l-istilista tax-xagħar li jkun ilu li beda mis-7.30 a.m. jdur mar-residenti.

“Drajthom ta, inkun qed nistennihom li tasal il-ġurnata li tiġi għax-xogħol ‘as such’, ma nqishix bħala xogħol aktar, kif taqbad tgħid, nieħu gost nagħmlu dan ix-xogħol”.

Ħallejnihom mhux biss kollha b’dehra isbah milli sibnihom imma bi tbissima li rriflettiet kemm sabu imħabba u kuntentizza kif qalulna huma stess.

Id-direttur tad-dar Charlene Borg qalet li ta kuljum tghix ma’ dawn l-anzjani u maż-żmien, il-ħaddiema u r-residenti saru qishom familja waħda.

“Aħna l-istaff tagħna l-aktar ħaġa li nagħmlu biex in-nies ikunu kollha ‘happy’ nittrattawhom bħala familjari tagħna u issa li m’għadnix fil-‘lock down’ erġajna bdejna attivitajiet differenti … joħorgu, nagħmlu Bar-B-Qs, għandna d-Day Centre ukoll”.

Bil-parti l-kbira tal-anzjani mlaqqma, f’dawn il-jiem komplew jonqsu r-restrizzjonijiet mid-djar tal-anzjani tant li żdiedu l-ħinijiet għall-qraba biex iżuru lir-residenti waqt li minn ġimagħtejn oħra anzjani indipendenti se jkunu jistgħu jibdew joħorġu waħedhom mid-djar residenzjali.