Lokali
#StopStigma – kampanja nazzjonali ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali

In-nuqqas ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali ħafna drabi jwassal għall-ispekulazzjonijiet u t-twemmin żbaljat li għandu ħabta jinstiga aktar stigma. Għal dan il-għan, id-Dipartiment tas-Saħħa Mentali, flimkien mal-Uffiċju tal-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali u l-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta nedew kampanja nazzjonali ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali #StopStigma.

Din il-kampanija saret possibli grazzi għall-ħidma ta’ numru ta’ infermiera li jispeċjalizzaw fis-saħħa mentali u fil-preżent jaħdmu f’dan il-qasam. Il-ħsieb wara din il-kampanja oriġina minn proġett tal-istudenti universitarji bħala parti mill-kors ta’ Baċellerat tal-Mental Health Nursing, fejn flimkien mal-għalliema tagħhom ħadmu fuq numru ta’ posters bil-għan li jkabbru l-għarfien tal-poplu dwar il-problemi ta’ saħħa mentali.

Christy Compton, hija waħda mill-istudenti li ħadmu għal din il-kampanja fejn qalet li hija bbażata fuq tliet prinċipali: li tikser is-silenzju; ir-rispett lejn il-persuna u mhux il-kundizzjoni; u li dawk affetwati huma kapaċi jaħdmu.

L-istudenta qalet, “Nies li jbatu bis-saħħa mentali għandhom ikunu ugwali daqs nies li jbatu minn saħħa medika. Fost l-affarijiet li jbatu minnu huwa biex isibu xogħol. Isibuha diffiċli ħafna minħabba l-passat tagħhom. Aħna nixtieq li ma jibqgħux ikunu labled. Huma daqs ħaddieħor u m’għandhomx ikunu imċaħħdin minn ċertu drittijiet.”

Fit-tnedija tal-kampanja nazzjonali #StopStigma, ingħad li filwaqt li l-informazzjoni normalment tieqaf sal-livell li tagħti stampa negattiva, huwa nkoraġġanti illi teżisti għażla wiesgħa ta’ trattamenti li jindirizzaw is-sintomi tal-mard mentali u b’hekk jagħtu l-possibilità lil min ikun qed ibati li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu. Dan minkejja l-problemi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom.