“Strada Stretta”: Qed nistennew li s-suċċess ikompli jikber imma mhux nippretenduh

Strada Stretta u Red Electrick se jiżvelaw is-sigla sħiħa f’Diċembru

Id-dramm Strada Stretta ntlaqa’ tajjeb mit-telespettatur Malti minn qabel ma beda jixxandar, iżda wara li nhar it-Tnejn intwera l-ewwel episodju qam interess kbir dwaru. tvm.com.mt iltaqa’ ma’ Justin Farrugia u Steve Dalli, id-diretturi u produtturi ta’ din is-sensiela, fejn sostnew li r-rispons tat-telespettaturi ta’ TVM kien wieħed fenomenali.

5,5000 “like” u 800 kumment f’24 siegħa

Strada Stretta 1Id-diretturi qalu li mill-ewwel ġurnata kienu kunfidenti mill-prodott għaliex dejjem ħadmu biex jagħtu l-aqwa kwalità possibbli. Justin sostna iżda, “Stennejt li r-reazzjoni se tkun tajba, iżda nammetti li nħsadt kif bdejt nara l-likes telgħin bil-gzuz. Kienet sensazzjonali! Fraħna għax nafu li qed noffru l-kwalità u dik ġiet apprezzata fuq kollox.”

F’anqas minn 24 siegħa, post li ttella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Strada Stretta kiseb aktar minn 5,500 “like” u ‘l fuq minn 800 kumment. Fl-istess waqt, il-“likes” tal-paġna żdiedu b’aktar minn 4,000.

Is-Sur Farrugia sostna li fl-istess ħin dan qed jgħabbihom b’responsabiltà kbira biex il-kwalità tal-prodott, kemm mil-lat ta’ produzzjoni, direzzjoni u anke kitba, tibqa’ dik li hi, u biex fl-ebda ħin ma jiddiżappuntaw l-udjenza. Żiedu jgħidu li qalb it-tifħir jirċievu wkoll kritika kostruttiva, iżda din tiġi apprezzata, għax tgħinhom biex ikomplu jtejbu l-prodott. L-akbar diffikultajiet li kellhom għall-ħidma ta’ din il-produzzjoni hija biex iżommu l-awtentiċità tal-epoka. Dan għamluh billi bnew settijiet kbar, b’riċerka ddettaljata dwar xagħar, makeup u kostumi, kif ukoll il-props li qed jużaw. Qalu li meta trid tidħol f’daqshekk dettall huwa faċli li jaqbiżlek xi ħaġa, iżda li dawn ma kinux dettallji li setgħu jaffettwaw l-istorja jew il-pjaċir tal-udjenza.

Dramm b’ritmu ta’ “roller coaster”

Strada Stretta 6Dwar ir-ritmu tad-dramm qalu li dan huwa maħdum bħal “roller coaster” li tibda bil-mod u tibni l-climax. Qalu li, “Meta tkun direttur ma tistax taħseb biss fil-mument li jkun qed jidher imma fl-istampa kollha, mill-bidu sat-tmiem.” L-intenzjoni tagħhom hi li jibnu l-antiċipazzjoni tan-nies biex dejjem iżommuhom fuq ix-xwiek. Żiedu jgħidu li l-kittieba tad-dramm Audrey Brincat Dalli, tinsisti ħafna li f’kulll episodju jiġri xi ħaġa interessanti, għalhekk kull mument se jkun qed jieħu l-pass tiegħu skont l-istorja.

Huma jaħsbu li d-dramm fih elementi li jolqtu l-gosti ta’ ħafna nies, “sens nostalġiku, sens ta’ faxxinu għal min bħalna jemmnu li l-ħamsinijiet kienu interessanti u apparti hekk l-istil tal-ħamsinijiet huwa in voga.” Fl-opinjoni tagħhom wieħed mill-elementi li l-aktar għamel differenza fid-dramm hu, li bħala serje ambjentata fil-passat ma baqgħux ġewwa fis-salotti u l-kċejjen tan-nies, imma riedu jagħtu sens tal-ħajja barra. Għalhekk ħarġu saħansitra fit-toroq biex iqarrbu lill-udjenza lejn il-ħajja tal-epoka li d-dramm hu bbażat fiha.

Strada Stretta u Red Electrick se jiżvelaw is-sigla sħiħa f’Diċembru

red electrickSteve u Justin qalu li s-sigla ta’ Strada Stretta hija proġett fih innifsu għal Sharp Shoot Media, minħabba l-fatt li din qed tinbena biċċa biċċa b’kolaborazzjoni mal-band Red Electrick. Huma qalu li l-mod kif fetaħ l-ewwel episodju tad-dramm nhar it-Tnejn huwa temporanju. Dan għaliex s’issa qed tinstema’ biċċa biss mis-sigla (l-kanzunetta tal-bidu) tad-dramm. Huma ħabbru esklussivament ma’ tvm.com.mt li s-sigla se tiġi żvelata biċċa biċċa, billi jżidu biċċa kull xahar, sakemm sa Diċembru toħroġ il-kanzunetta sħiħa, bl-istrumenti kollha u anke l-vuċi ta’ Matthew James Borg, il-kantant ta’ Red Electrick.

Id-diretturi qalu li billi l-mużika ta’ din il-band  togħġobhom ħafna wrew ix-xewqa li jikkollaboraw magħhom, iżda minkejja li kienu kellmu lil Ivan Borg, wieħed mill-mużiċisti, ma ħasbux li kien se jirnexxielhom. Meta ltaqgħu biex jiddiskutu, Red Electrick mill-ewwel ħadu interess fil-proġett. Riedu biss jiddeċiedu dwar l-aħjar mod biex jipproċedu. Minn tliet għażliet li kellhom iddeċidew li jużaw kanzunetta li l-band kienu diġà bdew jikkomponu. Raw li din tmur ħafna mat-tema, għalhekk addattawha aktar biex tidħol perfettament mat-tema ta’ Strada Stretta.

“Isimgħu sew dak li jingħad”

Strada Stretta 7Justin u Steve temmew jgħidu li, “Qed nistennew li s-suċċess jibqa’ jikber imma mhux nippretenduh. Aħna għandna target tal-istorja u dan se nibqgħu nippruvaw inwassluh bl-aħjar mod possibbli.” Sostnew li se jkollhom ħafna sorpriżi li jagħtuhom l-enerġija li għandhom bżonn biex ikompu jagħtu kulma jistgħu. Dwar l-episodju li jmiss, li jixxandar nhar it-Tnejn qalu li ma jixtiequx jiżvelaw aktar dettalji, “Nippreferu nħallu f’idejn l-immaġinazzjoni tan-nies. Però nħallu lil kulħadd b’parir: Isimgħu sew dak li jingħad!”

Ripetizzjoni tal-episodji ta’ Strada Stretta jistgħu jiġu segwiti fuq l-‘on demand player’ ta’ tvm.com.mt/mt/programmes/strada-stretta/

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar