Lokali
Strateġija biex anqas studenti jħallu l-bankijiet tal-iskola kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ

It-tagħlim akkademiku u dak vokazzjonali huma fil-qalba ta’ strateġija ġdida biex tindirizza ‘l dawk iż-żgħażagħ li jieqfu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ. L-istrateġija li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika mill-Ministeru għall-Edukazzjoni tfasslet fuq studju li sar mal-istudenti u l-ġenituri f’Malta u għandha sensiela ta’ miri li jridu jintlaħqu sal-2030.

16.7% taż-żgħażagħ fl-etajiet bejn it-18 u l-24 sena qegħdin joħorġu mis-sistema edukattiva mingħajr ma’ jkollhom minn tal-anqas 5 “o levels”. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li minkejja tnaqqis fl-aħħar snin, Malta għad għandha waħda mill-ogħla rati ta’ żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea li ma jkomplux l-iskola. Madankollu, fi kliem il-Ministru, l-għadd ta’ studenti li joħorġu mis-sistema edukattiva qabel iż-żmien huwa anqas.

“Però minħabba l-mekkaniżmu li jiġi adoperat fuq livell ta’ Unjoni Ewropea għandna dak il-persentaġġ li fil-verità huwa ħafna inqas. Però anke jekk jibqa’ persentaġġ negliġġibbli jfisser li rridu nkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun nnaqqsu dawn il-persuni li huma f’din il-kategorija.”

Għal dan il-għan Malta fasslet strateġija biex tindirizza ‘l dawk iż-żgħażagħ li jieqfu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Din tkompli tibni mal-ewwel waħda li ġiet ippubblikata fl-2015 u ġiet fi tmiemha s-sena li għaddiet. Il-Ministru Caruana spjegat li l-istrateġija li għandha twassal sal-2030 tirrifletti wkoll it-triq ‘il quddiemi fil-kuntest tal-pandemija u l-effetti fuq l-istudenti.

“Kemm jista’ jkun ikollna studenti li ma jitilqux kmieni mis-sistema edukattiva però li joħorġu mis-sistema edukattiva kwalifikati allura qed niddevjaw apparti l-akkademiku qed niffukaw ukoll fuq it-training għax illum għandna wkoll il-vokazzjonal li meta student jieħu dik il-linja wkoll jieħu kwalifika fl-aħħar tas-sistema edukattiva.”

L-istrateġija l-ġdida li hi miftuħa għal konsultazzjoni pubblika hi bbażata fuq tliet pilastri: il-prevenzjoni, l-intervent u l-kumpens; b’kull wieħed minnhom jinkludi ħames miżuri li jridu jintlaħqu sal-2030 bil-għan li l-edukazzjoni tkun iktar ekwa u bbażata fuq il-ġustizzja soċjali.

Pamela Spiteri, uffiċjal fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, ħabbret li se jitnieda programm f’livell ta’ Master għall-għalliema li jridu jispeċjalizzaw fl-istudenti li jinsabu f’riskju jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Spjegat li ħafna mill-istudenti ma jkomplux l-iskola minħabba li ma jġibux il-kwalifiċi meħtieġa u mhux għax ma jixtiqux ikomplu.